Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI U L-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Ippubblikata l-Leġiżlazzjoni Sussidjarja dwar ir-Riforma tal-Qorti tal-Familja

PR261336
Date Icon 11/08/2026

Il-Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni flimkien mal-Ministeru għall-Politika Soċjali u l-Familja llum ippubblikaw ir-Regolamenti tal-Proċeduri tal-Qorti tal-Familja 2026, flimkien mal-avviżi ta’ bidu fis-seħħ u l-leġiżlazzjoni sussidjarja relatata meħtieġa biex tibda l-implimentazzjoni tar-Riforma tal-Qorti tal-Familja f’Malta. 

Dan jirrappreżenta pass importanti fl-impenn tal-Gvern biex joħloq sistema ta’ ġustizzja tal-familja aktar iffukata fuq it-tfal, aktar aċċessibbli, aktar effiċjenti u aktar sensittiva għall-ħtiġijiet tal-familji. Ir-riforma tintroduċi qafas proċedurali ġdid maħsub biex jilħaq bilanċ legali bejn il-protezzjoni fl-aħjar interessi tat-tfal, il-ħolqien tal-istrutturi u r-rwoli professjonali meħtieġa biex jiġi garantit servizz ta’ kwalità għolja, u l-introduzzjoni ta’ proċeduri u termini aktar ċari ħalli titjieb l-effiċjenza tal-proċeduri tal-familja.

L-avviż jistabbilixxi l-1 ta’ Ottubru 2026 bħala d-data meta l-maġġoranza tar-Regolamenti tal-Proċeduri tal-Qorti tal-Familja 2026 u l-Att tal-2026 li Jemenda Diversi Liġijiet Relatati mal-Istabbiliment tal-Qorti tal-Familja, se jidħlu fis-seħħ. Dawn id-dispożizzjonijiet jintroduċu riformi sostanzjali fil-mod kif jitmexxew il-proċedimenti tal-familja, kif elenkati fid-dettal fil-Gazzetta tal-Gvern ippubblikata llum. 

Il-leġiżlazzjoni l-ġdida tqiegħed lit-tfal fiċ-ċentru tas-sistema tal-ġustizzja tal-familja billi ssaħħaħ kemm il-parteċipazzjoni tagħhom kif ukoll il-protezzjoni tagħhom matul il-proċedimenti tal-familja. Din tintroduċi proċeduri aktar ċari u salvagwardji aktar b’saħħithom biex jiġi żgurat li l-vuċi tat-tfal u l-aħjar interessi tagħhom ikunu rappreżentati b’mod effettiv.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima qal li din mhijiex sempliċiment bidla fil-liġi. “Hija bidla fil-mod kif irridu li taħdem il-ġustizzja tal-familja: aktar umana, aktar aċċessibbli u dejjem mibnija madwar l-aħjar interess tat-tfal. Il-Gvern se jkompli jibni fuq din ir-riforma billi beda x-xogħol fuq fażi oħra tar-riforma li se tkun qed tħares lejn il-Qorti Kriminali li tisma’ l-każijiet tal-familja,” qal il-Ministru Grima.

Filwaqt li l-maġġoranza tal-pakkett ta’ riformi se jkunu operattivi fl-1 ta’ Ottubru 2026, ċerti dispożizzjonijiet jidħlu fis-seħħ f’data aktar tard. Dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw primarjament aspetti tal-qafas il-ġdid li jeħtieġu miżuri addizzjonali ta’ implimentazzjoni, inkluż l-operat sħiħ ta’ ċerti funzjonijiet speċjalizzati u strutturi ta’ appoġġ.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja, Michael Falzon saħaq li fiċ-ċentru ta’ din ir-riforma hemm il-benesseri tat-tfal, u kollox idur mal-aqwa kura u ħarsien ta’ minuri ta’ ġenituri li jkunu għaddejjin minn separazzjoni. “Issa ser naraw din ir-riforma verament tieħu l-ħajja, u tħalli differenza fuq dawk il-persuni nvoluti fi proċessi ta’ qrati tal-familja. Quddiemna issa hemm timeframes ġodda u speċifiċi, kriterji aktar ċari marbuta mal-manteniment, responsabiltajiet ugwali ta' kull ġenitur fejn jidħol l-aċċess, fost oħrajn,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Il-Ministeru għall-Ġustizzja bħalissa qed jaħdem b’mod attiv sabiex jittraduċi l-ewwel fażi tar-Riforma tal-Qorti tal-Familja f’azzjonijiet konkreti u implimentabbli. Dan jinkludi t-twaqqif tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ, it-trasferiment u t-tisħiħ tal-funzjoni tal-Avukat tat-Tfal, ir-reklutaġġ u t-taħriġ ta’ professjonisti speċjalizzati, l-iżvilupp ta’ proċeduri operattivi standard u l-implimentazzjoni tal-istrutturi meħtieġa sabiex il-qafas il-ġdid ikun jista’ jopera b’mod sħiħ.

Filwaqt li qed tkompli l-ħidma fuq l-implimentazzjoni, l-attenzjoni diġà bdiet tiffoka fuq it-tieni fażi tar-Riforma tal-Qorti tal-Familja. Filwaqt li tibni fuq il-pedamenti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni attwali, il-fażi li jmiss se tindirizza aspetti addizzjonali tal-proċedimenti tal-familja u tkompli ssaħħaħ l-isforzi ta’ Malta sabiex tiżviluppa sistema ta’ ġustizzja aktar favur it-tfal, aktar effiċjenti u aktar iffukata fuq il-persuna għall-benefiċċju tal-familji kollha.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow