Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL Marsaxlokk jilqa’ l-bidu tal-istaġun tal-lampuki bit-tberik tad-dgħajjes u l-bastimenti

PR261329
Date Icon 10/08/2026

Dalgħodu, f’Marsaxlokk saret il-quddiesa u ċ-ċelebrazzjoni tat-tberik tad-dgħajjes u l-bastimenti tas-sajjieda bi tħejjija għall-istaġun tal-lampuki. Iċ-ċerimonja, immexxija mill-Kanonku Dun Roderick Baldacchino, tibqa’ waħda mit-tradizzjonijiet ewlenin tal-komunità tas-sajd u timmarka l-bidu ta’ staġun importanti għas-sajjieda Maltin u Għawdxin.

Għall-attività attenda l-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel, Anton Refalo, flimkien ma’ sajjieda, il-familji tagħhom, rappreżentanti tas-settur tas-sajd u membri tal-komunità ta’ Marsaxlokk.

Fil-ġimgħat li għaddew, is-sajjieda lestew il-preparamenti tagħhom għall-istaġun, fosthom il-preparazzjoni tal-kannizzati bil-weraq tal-palm. Din it-teknika tradizzjonali, żviluppata minn sajjieda Maltin u Għawdxin, tintuża biex tattira l-lampuka, li tfittex id-dell tal-kannizzati waqt li żżomm qrib il-wiċċ tal-baħar fond. Bħala parti mill-appoġġ kontinwu lis-settur, il-Gvern qassam ukoll il-weraq tal-palm meħtieġa għal dawn il-preparamenti.

L-istaġun tal-lampuki jibda uffiċjalment fil-15 ta’ Awwissu, skont ir-regolamenti Ewropej ibbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM), u jkompli sal-aħħar tas-sena. Qabel il-ftuħ tal-istaġun, id-dgħajjes u l-bastimenti jiġu mgħammra bil-kannizzati, ġebel, palm u ċimi li jitqiegħdu f’pożizzjonijiet allokati mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura.

Il-Ministru Anton Refalo qal li, “Din it-tradizzjoni tfakkarna fil-valur tas-sajjieda tagħna u fil-kontribut li jagħtu kuljum lill-ekonomija, lis-sigurtà tal-ikel u lill-identità marittima ta’ pajjiżna. Il-Gvern se jkompli jkun qrib is-settur biex niżguraw li din it-tradizzjoni tibqa’ b’saħħitha, sostenibbli u tkompli tgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra.”

Il-lampuka tibqa’ waħda mill-aktar prodotti tas-sajd mistennija mill-familji Maltin u Għawdxin matul ix-xhur tas-sajf, filwaqt li l-istaġun tagħha jkompli jsaħħaħ kemm il-patrimonju gastronomiku kif ukoll dak kulturali ta’ Malta.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL Marsaxlokk jilqa’ l-bidu tal-istaġun tal-lampuki bit-tberik tad-dgħajjes u l-bastimenti
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL Marsaxlokk jilqa’ l-bidu tal-istaġun tal-lampuki bit-tberik tad-dgħajjes u l-bastimenti
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL Marsaxlokk jilqa’ l-bidu tal-istaġun tal-lampuki bit-tberik tad-dgħajjes u l-bastimenti
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL Marsaxlokk jilqa’ l-bidu tal-istaġun tal-lampuki bit-tberik tad-dgħajjes u l-bastimenti
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow