STQARRIJA MIIL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Il-progress ta’ 90 student jiġi ċċelebrat waqt iċ-Ċerimonja tal-Gradwazzjoni ta’ Hand in Hand
- Ċelebrazzjoni tal-kisbiet, il-progress u l-iżvilupp personali ta' kull student
Il-progress u l-kisbiet ta' 90 student ġew iċċelebrati waqt iċ-Ċerimonja tal-Gradwazzjoni ta' Hand in Hand, li għaliha attenda l-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri. L-istudenti, li għandhom bejn it-3 u t-18-il sena u jattendu l-programmi edukattivi tal-istituzzjoni fir-Rabat u Pembroke, ingħataw ċertifikat ta' kisba bħala rikonoxximent tal-progress, il-perseveranza u l-iżvilupp personali tagħhom.
Il-Ministru Byron Camilleri qal li kull student għandu l-potenzjal tiegħu u li s-suċċess fl-edukazzjoni jitkejjel skont il-progress li jagħmel kull individwu. “Illum qed niċċelebraw mhux biss iċ-ċertifikati, iżda l-vjaġġ ta' kull student. Edukazzjoni tassew inklużiva tfisser li nagħtu lil kull student l-opportunità jiżviluppa l-potenzjal tiegħu u niksru l-ostakli li jistgħu jżommuh lura," qal il-Ministru Camilleri.
Huwa żied li l-edukazzjoni għandha tkompli twieġeb għall-ħtiġijiet ta' kull student, billi toffri ambjent li jrawwem l-indipendenza, il-kunfidenza u l-iżvilupp personali, filwaqt li tipprepara lit-tfal u liż-żgħażagħ għal parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta' Hand in Hand, Chris Vassallo, qal li din kienet ġurnata tassew speċjali fejn ġew iċċelebrati aktar minn 90 student u aktar minn 100 familja li kuljum juru reżiljenza, impenn u tama straordinarji. Huwa rringrazzja lill-Gvern għall-investiment kontinwu fit-tfal u ż-żgħażagħ bl-awtiżmu, u għall-viżjoni tiegħu fit-tkabbir tal-opportunitajiet għall-familji. Vassallo sostna li din il-ġurnata turi x'jista' jinkiseb meta l-familji, l-edukaturi, il-professjonisti u l-Gvern jaħdmu id f'id, sabiex jinħolqu ambjenti fejn kull tifel u tifla jkunu apprezzati u kull student jingħata l-opportunità li jibni futur b'aktar indipendenza.
Il-Ministru rringrazzja lill-edukaturi, lit-terapisti, lill-professjonisti u lill-familji għall-impenn tagħhom fil-vjaġġ edukattiv tal-istudenti, filwaqt li saħaq li l-kollaborazzjoni bejniethom hija essenzjali biex kull student jingħata l-appoġġ meħtieġ sabiex jirnexxi u jilħaq il-potenzjal tiegħu.
Hand in Hand toffri programmi edukattivi speċjalizzati fir-Rabat u Pembroke għal studenti newrodiversi, inklużi studenti bl-awtiżmu u bi ħtiġijiet oħra ta' żvilupp, imġiba u tagħlim. Il-programm postsekondarju LifeMap jgħaqqad flimkien edukazzjoni funzjonali, terapiji u taħriġ vokazzjonali, filwaqt li jinkludi wkoll simulazzjoni ta' ambjenti reali tax-xogħol sabiex l-istudenti jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa għall-ħajja indipendenti u għad-dinja tax-xogħol. Il-programm jaħdem ukoll mill-qrib mal-familji sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jkomplu javvanzaw lejn aktar indipendenza, taħriġ ulterjuri u opportunitajiet ta' impjieg.
Matul is-sena skolastika li jmiss se jibda jopera l-ewwel sular tal-istitut, investiment li se jippermetti li 45 student ieħor jibbenefikaw minn dawn is-servizzi speċjalizzati. Dan l-investiment se jkompli jsaħħaħ l-edukazzjoni inklużiva, sabiex aktar tfal u żgħażagħ jingħataw opportunitajiet edukattivi ta' kwalità f'ambjent li jwieġeb għall-bżonnijiet tagħhom.
Other Press Releases:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922