Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Il-Ministru Glenn Bedingfield itenni s-solidarjetà ta’ Malta ma’ Spanja u jappella għal rispons Ewropew aktar b’saħħtu kontra l-immigrazzjoni irregolari

PR261307
Date Icon 04/08/2026

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield ipparteċipa f’laqgħa straordinarja online tal-Kunsill tal-Ministri għall-Affarijiet Interni tal-Unjoni Ewropea, li saret nhar it-Tlieta 4 ta’ Awwissu 2026, biex jiġu diskussi l-iżviluppi reċenti marbuta mal-pressjoni migratorja f’Ceuta, il-belt awtonoma Spanjola fuq il-kosta tat-Tramuntana tal-Afrika.

Matul il-laqgħa, il-Ministru Bedingfield esprima s-solidarjetà sħiħa ta’ Malta ma’ Spanja u faħħar ir-rispons immedjat u deċiżiv tal-awtoritajiet Spanjoli, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Marokk, sabiex tiġi rrestawrata l-ordni u jerġa’ jiġi stabbilit il-kontroll tas-sitwazzjoni. Huwa laqa’ wkoll l-implimentazzjoni rapida tar-ritorni volontarji għall-maġġoranza tal-persuni li daħlu f’Ceuta b’mod irregolari, kif ukoll il-miżuri li ttieħdu biex jissaħħu l-ġestjoni u s-sigurtà tal-fruntieri.

Il-Ministru osserva li l-avvenimenti f’Ceuta jikkonfermaw kemm il-pressjonijiet migratorji jistgħu jiżviluppaw u jinbidlu fi żmien qasir. Għalhekk, sostna li l-Unjoni Ewropea trid tibqa’ viġilanti, preparata u kapaċi tirreaġixxi b’mod rapidu u effettiv għal sitwazzjonijiet bħal dawn. Enfasizza li l-prijorità immedjata għandha tkun li Spanja żżomm kontroll sħiħ tal-fruntiera esterna tagħha, bl-appoġġ tal-aġenziji u l-istrumenti kollha disponibbli tal-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru Bedingfield sostna li l-Unjoni Ewropea diġà għandha l-qafas legali, l-għodod operazzjonali u l-aġenziji meħtieġa biex tindirizza l-isfidi migratorji. Qal li aktar milli jinħolqu strumenti ġodda, għandu jsir użu aktar rapidu, koordinat u effettiv tal-mekkaniżmi eżistenti sabiex l-Istati Membri li jkunu qed jiffaċċjaw pressjoni fuq il-fruntieri esterni jingħataw l-appoġġ meħtieġ mingħajr dewmien.

Huwa appella wkoll għal politika Ewropea komprensiva u bbilanċjata dwar il-migrazzjoni, li tkun soda kontra l-migrazzjoni irregolari u fl-istess waqt tindirizza b’mod effettiv il-kawżi ewlenin tagħha. Dan, qal il-Ministru, jirrikjedi protezzjoni aktar b’saħħitha tal-fruntieri esterni tal-Unjoni, aktar azzjoni kontra t-traffikanti tal-bnedmin u n-netwerks kriminali, sistemi ta’ ritorn aktar effettivi u kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-pajjiżi tal-oriġini u tat-tranżitu. Huwa enfasizza li dawn is-sħubijiet huma kruċjali biex jiġu evitati t-tluq irregolari, jitnaqqsu l-pressjonijiet migratorji u jiġu ffaċilitati r-ritorni.

Filwaqt li tenna li l-migrazzjoni irregolari hija sfida Ewropea li tirrikjedi responsabbiltà kollettiva, il-Ministru Bedingfield appella għal aktar solidarjetà, kooperazzjoni prattika u tqassim ġust tar-responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri. Huwa sostna wkoll li l-Unjoni Ewropea għandha tkompli tavvanza soluzzjonijiet innovattivi, inkluż ir-return hubs, filwaqt li ssaħħaħ l-effettività tas-sistema Ewropea tar-ritorn.

Il-Ministru tenna wkoll il-prinċipju li kull Stat Membru għandu jżomm id-dritt u l-awtorità li jiddeċiedi min jista’ jidħol u jibqa’ fit-territorju tiegħu, dejjem skont il-liġi nazzjonali u dik tal-Unjoni Ewropea.

“Issa huwa ż-żmien li l-Unjoni Ewropea turi għaqda u determinazzjoni. Flimkien irridu nappoġġjaw lill-Istati Membri li qed jiffaċċjaw pressjoni migratorja, nissalvagwardjaw l-integrità tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea u nuru li kapaċi nirrispondu b’mod effettiv għall-isfidi tal-migrazzjoni, filwaqt li nindirizzaw il-kawżi ewlenin tagħhom. Din hija r-responsabbiltà tagħna lejn iċ-ċittadini Ewropej u lejn is-sigurtà tal-Unjoni kollha,” temm jgħid il-Ministru Glenn Bedingfield.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Il-Ministru Glenn Bedingfield itenni s-solidarjetà ta’ Malta ma’ Spanja u jappella għal rispons Ewropew aktar b’saħħtu kontra l-immigrazzjoni irregolari
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow