STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI 19-il bajja madwar Malta b’faċilitajiet imtejba wara ħidma estensiva mill-Aġenzija tar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi
Hekk kif il-bajjiet Maltin qed jilqgħu eluf ta’ familji u turisti kuljum matul l-aqwa xhur tas-sajf, il-ħaddiema tal-Aġenzija tar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi wettqu ħidma estensiva f’għadd ta’ bajjiet madwar Malta sabiex ikomplu jtejbu l-faċilitajiet, isaħħu l-aċċessibbiltà u joffru esperjenza aktar sigura u pjaċevoli għal kull min jagħmel użu minn dawn il-bajjiet.
B’kollox, il-ħaddiema tal-Aġenzija tar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi ħadmu fuq 19-il bajja madwar Malta kollha, fejn twettqu diversi interventi biex jiżdiedu l-livell ta’ kumdità, sigurtà u aċċessibbiltà għal dawk kollha li jżuru dawn iż-żoni matul l-istaġun tas-sajf.
Dan tħabbar waqt żjara li l-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, għamlet fuq waħda mill-bajjiet li bbenefikat minn dawn l-interventi, fejn flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi, Dennis Vella, osservat il-ħidma li twettqet u l-faċilitajiet li qed jintużaw mill-pubbliku.
Il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, qalet li l-Gvern qed ikompli jinvesti fi spazji pubbliċi ta’ kwalità biex il-familji Maltin u t-turisti jkunu jistgħu jgawdu minn bajjiet aktar siguri, aċċessibbli u mgħammra aħjar. “Il-bajjiet huma fost l-aktar spazji pubbliċi li jintużaw matul is-sajf u għalhekk huwa dmirna li nibqgħu ninvestu fihom. Din il-ħidma hija xhieda tal-impenn tal-Gvern biex noffru faċilitajiet moderni, inżidu l-aċċessibbiltà u ntejbu l-esperjenza ta’ kull min iżur il-bajjiet tagħna,” sostniet il-Ministru Zerafa Civelli.
Il-Ministru appellat ukoll lill-pubbliku biex jagħti sehmu sabiex il-bajjiet jibqgħu nodfa, filwaqt li fakkret fil-kampanja ‘Xummiemu m’għandux vaganzi. Inżommu Nadif!’, imnedija aktar kmieni din il-ġimgħa, li tħeġġeġ lil kulħadd jieħu ħsieb l-indafa tal-ispazji pubbliċi u jarmi l-iskart b’mod responsabbli.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi, Dennis Vella, spjega li l-interventi saru wara ħidma ta’ ppjanar u koordinazzjoni sabiex il-faċilitajiet ikunu lesti għall-użu matul l-istaġun tas-sajf.
Minbarra dawn l-interventi infrastrutturali, il-ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni jwettqu wkoll ħidma kontinwa ta’ kuljum sabiex il-bajjiet jibqgħu nodfa, miżmuma u f’kundizzjoni tajba. Permezz ta’ tindif regolari, manutenzjoni tal-faċilitajiet u interventi fejn ikun meħtieġ, dawn il-ħaddiema qed jiżguraw li l-eluf ta’ Maltin, Għawdxin u turisti li jżuru l-bajjiet tagħna kuljum matul is-sajf ikunu jistgħu jgawdu ambjent nadif, sigur u milqugħ.
Fost il-ħidma mwettqa mill-Aġenzija kien hemm l-installazzjoni u t-titjib ta’ seba’ torrijiet tas-salvataġġ, 910 metri ta’ passaġġi (walkways), 67 reċipjent għall-iskart, 14-il shower, erba’ kmamar għat-tibdil tal-ħwejjeġ, għaxar slielem għall-baħar u erba’ tabelli ta’ informazzjoni. Dawn l-interventi twettqu biex il-bajjiet ikunu aktar aċċessibbli, funzjonali u siguri għal kull min jagħmel użu minnhom. Dawn ix-xogħlijiet twettqu flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Ix-xogħlijiet kienu mifruxa fuq diversi bajjiet madwar Malta, inklużi dawk biċ-ċertifikazzjoni Blue Flag u bajjiet oħra ta’ kwalità, fosthom Mellieħa Bay, Golden Bay, Għajn Tuffieħa Bay, Buġibba Perched Beach, Qawra Point, Fond Għadir, St George’s Bay u Fajtata Bay.
Interventi twettqu wkoll f’Baħar iċ-Ċagħaq, Balluta Bay f’Tas-Sliema, St Thomas Bay f’Marsaskala, Tal-Magħluq u Għar l-Aħmar f’Marsaxlokk, Xatt San Ġorġ u Pretty Bay f’Birżebbuġa, kif ukoll f’Wignacourt u s-Simenta f’San Pawl il-Baħar, fejn inbnew passaġġi u turġien, u fiż-żoni tal-Armier, Little Armier u l-Mellieħa, fejn komplew jissaħħu l-faċilitajiet biex il-pubbliku jkun jista’ jgawdi dawn il-bajjiet b’aktar kumdità u aċċessibbiltà.
Stqarrijiet Oħra:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922