Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL U MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Jirritorna fuq il-Fosos il-Malta International Food Festival biex jiċċelebra l-10 edizzjoni tiegħu

PR261303
Date Icon 04/08/2026


Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel qed jappoġġja r-ritorn tal-Malta International Food Festival, li se jittella' bejn l-Erbgħa 5 u l-Ħadd 9 ta' Awwissu 2026 fil-Fosos tal-Furjana.

Din is-sena, il-festival qed jiċċelebra l-10 edizzjoni tiegħu b'programm akbar u aktar varjat, li se jlaqqa' flimkien l-aqwa togħmiet minn madwar id-dinja f'ċelebrazzjoni tal-ikel, il-kultura u d-divertiment. Matul dawn l-għaxar snin, il-festival kompla jikber sena wara sena u sar wieħed mill-akbar avvenimenti gastronomiċi f'Malta, li kull sena jilqa' eluf ta' Maltin, Għawdxin, barranin u turisti.

Matul il-ħamest ijiem tal-festival, il-pubbliku se jkollu l-opportunità jduq aktar minn 1,000 platt differenti minn 42 kċina internazzjonali. Fl-istess ħin, spazju prominenti se jingħata lill-kċina Maltija u lill-prodotti lokali, bil-għan li jkomplu jiġu promossi l-kwalità, l-awtentiċità u l-valur tal-prodott Malti.

Il-festival se jiġbor flimkien aktar minn 100 esebitur, fosthom ristoranti, produtturi, importaturi u marki ewlenin tal-industrija tal-ikel u x-xorb, u b'hekk ikompli joffri pjattaforma importanti għall-promozzjoni tal-prodotti u n-negozji lokali.

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel Anton Refalo qal li festivals bħal dawn huma opportunità importanti biex il-prodott Malti jitqiegħed fiċ-ċentru tal-esperjenza gastronomika u jingħata l-prominenza li jistħoqqlu.

“Il-Malta International Food Festival huwa pjattaforma importanti li mhux biss tiċċelebra l-kċejjen tad-dinja, iżda wkoll tagħti spazju u viżibilità lill-prodotti lokali tagħna. Għandna prodotti ta' kwalità li huma frott il-ħidma tal-bdiewa, ir-raħħala, is-sajjieda u l-produtturi Maltin, u huwa dmirna nkomplu noħolqu opportunitajiet biex dawn ikunu magħrufa u apprezzati minn kulħadd. Permezz ta' inizjattivi bħal dawn qed inkomplu nsaħħu l-katina agroalimentari Maltija filwaqt li nippromwovu lil Malta bħala destinazzjoni gastronomika ta' livell għoli," sostna l-Ministru Refalo.

Filwaqt li ferħet lill-organizzaturi talli għall-għaxar sena qed jorganizzaw dan l-avveniment tant imfittex mill-pubbliku, il-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili Rosianne Cutajar esprimiet sodisfazzjon għall-parteċipazzjoni mill-ġdid tal-Ministeru permezz tad-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem, li ukoll għal darb'oħra ġab flimkien numru ta' komunitajiet internazzjonali preżenti f'pajjiżna biex jipparteċipaw fuq il-Fosos f'dawn il-jiem. Hija qalet li “l-mejda tal-ikel hija dak il-post fejn kulħadd jingħaqad flimkien u jsir dak l-inkontru uman li huwa l-bażi tal-integrazzjoni vera, li mbagħad huwa msaħħaħ bil-politiki u s-servizzi varji li noffru. Dan huwa partikolarment importanti f'soċjetà diversa u multikulturali bħalma hi tagħna, fejn f'ambjent sabiħ u rilassat bħalma jkun hawn fuq il-Fosos insiru nafu lil xulxin u nwaqqgħu l-preġudizzji biex minflok nittrattaw lil kulħadd b'mod ugwali u b'rispett sħiħ."

Minbarra l-esperjenza kulinarja, il-programm se jinkludi spettakli mużikali kuljum, wirjiet kulturali, attivitajiet għall-familja kollha, żona ddedikata għat-tfal u diversi attrazzjonijiet oħra li jagħmlu dan il-festival wieħed mill-aktar appuntamenti mistennija fil-kalendarju tas-sajf Malti.

Il-Malta International Food Festival ikompli jservi bħala pjattaforma importanti għall-promozzjoni tal-prodott Malti u għall-ħolqien ta' opportunitajiet ġodda għall-produtturi, l-operaturi u n-negozji lokali, filwaqt li jsaħħaħ ir-reputazzjoni ta' Malta bħala destinazzjoni gastronomika fil-qalba tal-Mediterran. Il-festival jagħti wkoll opportunità sabiex kulturi u nazzjonijiet differenti jaqsmu bejniethom l-esperjenzi kulinarji u t-tradizzjonijiet tagħhom f'avveniment li jgħaqqad lin-nies permezz tal-ikel.

Il-festival se jkun miftuħ kuljum mis-6:00 p.m. sa nofsillejl fil-Fosos tal-Furjana. Il-Ministeru jistieden lill-pubbliku jattendi għal dan l-avveniment li jgħaqqad l-aqwa togħmiet, il-kultura u d-divertiment, filwaqt li jkompli jagħti prominenza lill-prodotti ta' kwalità prodotti minn bdiewa, raħħala, sajjieda u produtturi Maltin.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL U MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Jirritorna fuq il-Fosos il-Malta International Food Festival biex jiċċelebra l-10 edizzjoni tiegħu
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL U MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Jirritorna fuq il-Fosos il-Malta International Food Festival biex jiċċelebra l-10 edizzjoni tiegħu
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow