STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL Il-Gvern ikompli jappoġġja lis-sajjieda bit-tqassim tal-weraq tal-palm għall-istaġun tal-lampuki
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel Anton Refalo żar l-Uffiċċju tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura fl-Għammieri, fejn qed jitqassam il-weraq tal-palm lis-sajjieda bħala parti mill-preparamenti għall-istaġun tradizzjonali tal-lampuki, li jibda fil-15 ta’ Awwissu.
Din l-inizjattiva tifforma parti mill-appoġġ kontinwu li l-Ministeru jagħti lis-settur tas-sajd, filwaqt li tgħin biex tinżamm ħajja tradizzjoni li ilha tiġi mgħoddija minn ġenerazzjoni għal oħra. Din l-inizzjattiva bdiet fis-27 ta’ Lulju u ser tagħlaq fid-9 ta’ Awwissu. Il-weraq tal-palm jintużaw biex jinbnew il-kannizzati, li jservu bħala mezz essenzjali fis-sajd tal-lampuki.
Matul iż-żjara tiegħu, il-Ministru Anton Refalo ltaqa’ ma’ numru ta’ sajjieda u rringrazzjahom tal-ħidma kontinwa tagħhom favur is-settur. Huwa sostna li dan il-perjodu huwa wieħed importanti għall-komunità tas-sajjieda Maltin u Għawdxin.
“Il-lampuki mhux biss huma parti importanti mill-ekonomija tas-sajd, iżda wkoll mill-identità marittima ta’ pajjiżna. Huwa dmirna li nkomplu nappoġġjaw lis-sajjieda tagħna, filwaqt li nħarsu t-tradizzjonijiet li jagħmlu s-settur Malti uniku. Dan it-tqassim tal-weraq tal-palm huwa servizz konkret li jgħin lis-sajjieda jħejju ruħhom għall-istaġun li ġej,” qal il-Ministru Refalo.
Il-Ministru żied li l-Gvern se jkompli jinvesti f’miżuri li jsaħħu s-sostenibbiltà tas-settur, itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sajjieda u jkomplu jħarsu l-wirt marittimu Malti.
L-inizjattiva se tkompli għaddejja matul il-ġimgħa sabiex is-sajjieda kollha eliġibbli jkunu jistgħu jiġbru l-weraq meħtieġ għall-preparamenti tagħhom qabel il-ftuħ tal-istaġun tal-lampuki.
Stqarrijiet Oħra:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922