Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ 40 uffiċjal tal-Protezzjoni Ċivili se jassistu fl-operazzjonijiet tat-tifi tan-nirien fil-Portugall

PR261294
Date Icon 01/08/2026

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (CPD) se jibgħat żewġ timijiet ta’ uffiċjali tat-tifi tan-nar fil-Portugall bejn illum u l-31 ta’ Awwissu 2026 sabiex jassistu fl-isforzi kontinwi tat-tifi tan-nirien fil-foresti.

B’kollox, 40 uffiċjal se jieħdu sehem f’din il-missjoni internazzjonali li qed issir permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili.

Dan il-mekkaniżmu jippermetti lill-Istati Membri jikkoordinaw l-assistenza b’mod rapidu u effiċjenti waqt emerġenzi, filwaqt li jsaħħaħ il-kapaċità kollettiva tal-Ewropa biex tirrispondi għal diżastri naturali.

Iż-żewġ timijiet Maltin se jaħdmu mill-qrib mas-servizzi tat-tifi tan-nar Portugiżi biex isaħħu l-kapaċitajiet operattivi tagħhom u jagħtu kontribut dirett fl-operazzjonijiet ta’ kontroll u tifi tan-nirien fil-foresti.

Waqt li ħabbar dan, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield qal li din il-missjoni hija xhieda tal-professjonalità u l-kapaċità tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Malti.

“L-uffiċjali tat-tifi tan-nar tagħna huma magħrufa għall-impenn, il-ħila u d-dedikazzjoni tagħhom. Il-fatt li Malta qed terġa’ tintalab tagħti s-sehem tagħha f’operazzjoni internazzjonali ta’ din ix-xorta juri l-fiduċja li pajjiżi oħra għandhom fil-kapaċitajiet tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Filwaqt li qed ngħinu lill-Portugall f’mument diffiċli, qed inkomplu nuru li Malta hija sieħba responsabbli u affidabbli fil-qafas tal-Unjoni Ewropea u dejjem lesta turi solidarjetà ma’ pajjiżi li jkunu għaddejjin minn emerġenzi”, qal il-Ministru Bedingfield.

Din l-inizjattiva ta’ pre-positioning hija essenzjali biex jiġi żgurat rispons immedjat matul il-perjodu meta r-riskju tan-nirien fil-foresti jkun l-ogħla. L-għan tagħha huwa li tgħin fil-protezzjoni tal-komunitajiet, tal-infrastruttura u tal-ambjent naturali billi ssaħħaħ il-kapaċità ta’ rispons qabel ma jinqalgħu emerġenzi fuq skala kbira.

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandu esperjenza estensiva f’missjonijiet internazzjonali taħt il-qafas tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili. Fl-aħħar snin, timijiet Maltin ġew skjerati biex jassistu fl-operazzjonijiet tat-tifi tan-nirien fil-foresti fil-Greċja, fit-Turkija u fil-Libja, u b’hekk ikkonfermaw l-impenn ta’ Malta lejn is-solidarjetà reġjonali u l-kooperazzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

Minkejja dan, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili se jkompli jżomm livell għoli ta’ tħejjija fil-pajjiż permezz tan-network tiegħu ta’ għaxar stazzjonijiet tan-nar u żewġ units marittimi, sabiex ikun jista’ jwieġeb minnufih għal kull emerġenza lokali.

Dan l-impenn ikompli jenfasizza d-dedikazzjoni ta’ Malta lejn il-kooperazzjoni multilaterali fil-ġestjoni tar-riskju tad-diżastri u l-kontribut tagħha, permezz tal-għarfien, l-esperjenza u r-riżorsi tagħha, għat-tisħiħ tar-rispons Ewropew għall-emerġenzi.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ 40 uffiċjal tal-Protezzjoni Ċivili se jassistu fl-operazzjonijiet tat-tifi tan-nirien fil-Portugall
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ 40 uffiċjal tal-Protezzjoni Ċivili se jassistu fl-operazzjonijiet tat-tifi tan-nirien fil-Portugall
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow