STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Jibdew ix-xogħolijiet fil-Ġonna ta’ San Anton
Beda x-xogħol ta’ konservazzjoni, manutenzjoni u restawr fil-Ġonna ta’ San Anton b’investiment ta’ aktar minn €3 miljun ewro biex jitħares wieħed mill-aktar ġonna prestiġjużi f’Malta.
Waqt żjara fuq il-post flimkien ma’ membri tal-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard u t-tim ta’ Project Green, il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli qalet li dan il-proġett huwa eżempju ieħor tal-mod li qegħdin inkomplu nħarsu l-patrimonju storiku u ambjentali ta’ pajjiżna, filwaqt li niżguraw li dawn l-ispazji jkunu aċċessibbli u sigur għan-nies.
“Il-Ġonna ta’ San Anton huma fost l-aktar spazji miftuħa ta’ valur storiku u kulturali ta’ pajjiżna. Permezz ta’ dan il-proġett qed nipproteġu l-karatteristiċi uniċi tagħhom biex jitgawdew anke mill-ġenerazzjonijiet li ġejjin, filwaqt li nkomplu noffru esperjenza ta’ kwalità lill-eluf ta’ nies li jżuruhom kull sena,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Dan il-proġett ser jirrispetta l-istorja li tmur lura għas-seklu sbatax, meta l-ġonna nbnew madwar il-Palazz ta’ San Anton. Matul is-snin, il-ġonna evolvew f’wieħed mill-aktar spazji miftuħa emblematiċi ta’ Malta, magħrufa għall-kollezzjoni estensiva ta’ siġar maturi, pjanti ornamentali, monumenti u elementi arkitettoniċi ta’ valur storiku. Illum, il-Ġonna ta’ San Anton mhux biss joffru spazju ta’ mistrieħ u rikreazzjoni għall-pubbliku, iżda jirrappreżentaw ukoll wirt kulturali u naturali ta’ importanza nazzjonali li jistħoqqlu l-ogħla livell ta’ ħarsien u konservazzjoni.
Il-Kap tad-Disinn tal-Proġetti, fi ħdan Project Green, Benjamin Vassallo spjega li l-manutenzjoni, ir-restawr u l-konservazzjoni tal-ġonna, il-ħitan, il-passaġġi, l-istrutturi u l-elementi dekorattivi eżistenti ser jitwettqu f’fażijiet differenti. “Dan huwa proġett ta’ konservazzjoni li jeħtieġ ħafna ppjanar u interventi sensittivi. Għalhekk ix-xogħlijiet tqassmu f’fażijiet differenti, sabiex waqt li tkun qed issir il-ħidma f’żona partikolari, il-bqija tal-ġonna jibqgħu miftuħa għall-pubbliku. Malli titlesta kull fażi, dik iż-żona terġa’ tinfetaħ qabel jibdew ix-xogħlijiet fil-parti li jmiss.”
Minħabba n-natura sensittiva tal-proġett, ix-xogħlijiet qed isiru b’attenzjoni kbira. Fost l-interventi li qed isiru hemm il-proċess metikoluż tat-tneħħija u s-sostituzzjoni taċ-ċangaturi eżistenti, fejn kull waħda tiġi eżaminata individwalment. Dawk li jkunu f’kundizzjoni tajba qed jiġu nnumerati, ippreservati u jerġgħu jintużaw sabiex tinżamm kemm jista’ jkun l-awtentiċità storika tal-ġonna. Dan huwa proċess delikat li jieħu ż-żmien, iżda huwa essenzjali biex jiġi mħares il-valur storiku u arkitettoniku tas-sit.
Dan se jippermetti li l-pubbliku jkompli jgawdi l-Ġonna ta’ San Anton anke matul il-perjodu tax-xogħlijiet, filwaqt li jiġi żgurat li l-interventi ta’ konservazzjoni jsiru bl-ogħla standards u b’rispett sħiħ lejn dan il-ġnien storiku. Fil-fatt, dan l-intervent qed isir wara valutazzjoni teknika estensiva li identifikat il-ħtiġijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit sensittiv li huwa skedat bħala Sit ta’ Grad 1.
Other Press Releases:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922