Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ “Is-sigurtà fil-Mediterran hija pedament għall-istabbiltà u l-prosperità tal-Ewropa”, il-Ministru Chris Fearne

PR261282
Date Icon 31/07/2026

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Chris Fearne appella għal impenn Ewropew aktar b'saħħtu fil-Mediterran, filwaqt li saħaq li s-sigurtà u l-istabbiltà fil-Mediterran għandhom impatt dirett fuq is-sigurtà u l-prosperità tal-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru Fearne kien qed jitkellem waqt business breakfast organizzat mill-Ambaxxata tal-Irlanda, li laqqa' flimkien lill-kapijiet tal-Missjonijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għal diskussjoni dwar l-isfidi ewlenin li qed tiffaċċja l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-madwar.

B'referenza għal-Libja, il-Ministru Fearne appella għal impenn Ewropew kontinwu favur l-istabbiltà u s-sigurtà tal-pajjiż, filwaqt li saħaq li l-iżviluppi fil-Libja għandhom konsegwenzi diretti għall-Mediterran u għall-Ewropa. Huwa tenna l-impenn ta' Malta favur id-djalogu u l-isforzi internazzjonali li jappoġġaw Libja stabbli u magħquda.

Dwar l-Ukrajna, il-Ministru Fearne tenna l-appoġġ ta' Malta għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna, filwaqt li saħaq li kwalunkwe paċi ġusta u dejjiema għandha tkun ibbażata fuq il-liġi internazzjonali. Huwa tenna wkoll l-appoġġ ta' Malta għall-proċess ta' tkabbir tal-Unjoni Ewropea, sakemm il-pajjiżi kandidati jkomplu jilħqu l-istandards meħtieġa fir-rigward tas-saltna tad-dritt, il-governanza demokratika u l-valuri fundamentali tal-Unjoni.

Dwar il-Lvant Nofsani, il-Ministru Fearne tenna l-appoġġ ċar ta' Malta għal soluzzjoni ta' Żewġ Stati bħala l-bażi għal paċi u sigurtà dejjiema kemm għall-Palestinjani kif ukoll għall-Iżraeljani, filwaqt li saħaq fuq il-ħtieġa ta' aktar sforzi diplomatiċi, tnaqqis fit-tensjonijiet u rispett lejn il-liġi internazzjonali. Huwa nnota wkoll li Malta tappoġġa deċiżjoni politika tal-Kunsill biex jiġi ristrett il-kummerċ mill-insedjamenti Iżraeljani.

Id-diskussjoni indirizzat ukoll il-kompetittività tal-Ewropa u l-iżvilupp rapidu tal-intelliġenza artifiċjali. Il-Ministru Fearne saħaq li l-Ewropa m'għandhiex tillimita ruħha biss għar-regolamentazzjoni ta' teknoloġiji emerġenti, iżda għandha ssaħħaħ ukoll il-kapaċità tagħha li tiżviluppahom u tapplikahom, filwaqt li tiżgura li l-progress teknoloġiku jibqa' ċċentrat fuq il-bniedem u l-interess pubbliku.

Dwar il-Baġit Ewropew fit-tul, magħruf bħala l-Qafas Finanzjarju Pluriennali, il-Ministru Fearne saħaq li l-koeżjoni għandha tibqa' pilastru ewlieni tal-baġit tal-Unjoni Ewropea u enfasizza l-importanza li titħares il-kapaċità tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-prijoritajiet nazzjonali tagħhom.

Il-Ministru Fearne laqa' l-iskambju ta' fehmiet bejn l-imsieħba Ewropej u tenna l-impenn ta' Malta li tkompli taħdem favur Unjoni Ewropea aktar b'saħħitha, aktar sigura u aktar kompetittiva.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ “Is-sigurtà fil-Mediterran hija pedament għall-istabbiltà u l-prosperità tal-Ewropa”, il-Ministru Chris Fearne
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ “Is-sigurtà fil-Mediterran hija pedament għall-istabbiltà u l-prosperità tal-Ewropa”, il-Ministru Chris Fearne
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ “Is-sigurtà fil-Mediterran hija pedament għall-istabbiltà u l-prosperità tal-Ewropa”, il-Ministru Chris Fearne
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow