STQARRIJA MILL-GVERN TA’ MALTA L-Awditur Ġenerali mitlub mill-Gvern biex janalizza x-xogħol li wettqet l-Enemalta fl-aħħar tliet snin fuq is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku
Il-Gvern fiduċjuż li l-iskrutinju tal-Awditur Ġenerali jwassal għal rendikont preċiż tal-investiment b’saħħtu
Il-membri tal-Gvern fuq il-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet Pubbliċi (PAC) talbu lill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali biex jagħmel skrutinju tax-xogħol li sar mill-Enemalta bejn l-2023 u l-2026 fuq id-distribuzzjoni tal-elettriku.
Waqt laqgħa tal-PAC illum waranofsinhar, in-naħa tal-Gvern spjegat kif wara diskussjoni mal-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli, ġie deċiż li l-Awditur Ġenerali jintalab janalizza l-investiment infrastrutturali matul l-aħħar tliet snin biex tissaħħaħ is-sistema infrastrutturali f’dan il-qasam.
Din l-analiżi se sservi bħala aġġornament ta’ rapport li sar mill-Awditur Ġenerali fl-2023 dwar xogħlijiet relatati li saru mill-2014 ’il quddiem.
Il-Gvern huwa fiduċjuż li dan l-iskrutinju tal-Awditur Ġenerali se jwassal għal rendikont preċiż tal-investiment b’saħħtu li twettaq f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex bil-għan li jiġu indirizzati l-isfidi l-ġodda tat-temperaturi estremi madwar id-dinja u d-domanda qawwija li dawn il-kundizzjonijiet klimatiċi jġibu magħhom.
B’din l-analiżi relevanti, il-Gvern jemmen li se jkompli juri bl-aktar mod miftuħ u trasparenti li qed iwettaq pjan serju biex isolvi dejjem iktar ir-realtajiet tal-familji u n-negozji f’pajjiż modern li qed jimxi ’l quddiem.
Din hija diskussjoni li se tkompli wkoll nhar il-Ġimgħa mal-imsieħba soċjali fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali.
It-talba mid-Deputati tal-Gvern tinsab annessa.
Other Press Releases:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922
pr261269a.pdf