STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Il-Kummissjoni Ewropea tapprova l-Pjan ta’ Malta għall-Fond Soċjali għall-Klima
Il-Kummissjoni Ewropea llum approvat il-Pjan ta’ Malta għall-Fond Soċjali għall-Klima (SCF), li ser iwitti t-triq għal investiment ta’ madwar €60.5 miljun sal-2032 biex jgħin lil familji vulnerabbli, mikrointrapriżi vulnerabbli u utenti vulnerabbli tat-trasport jaffaċċjaw l-impatti soċjali tat-tranżizzjoni ekoloġika.
Permezz tal-Fond Soċjali għall-Klima ser jiġu ffinanzjati miżuri biex tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fl-akkomodazzjoni soċjali pubbliku, jiżdied l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fl-akkomodazzjoni soċjali, jiġu offruti servizzi ta’ trasport fil-komunità għal utenti vulnerabbli tat-trasport u jingħata appoġġ lil mikrointrapriżi vulnerabbli fit-tranżizzjoni lejn il-mobbiltà elettrika.
Il-Pjan huwa allinjat mal-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima u ġie mfassal wara proċess estensiv ta’ konsultazzjoni li involva entitajiet tal-Gvern, l-imsieħba soċjali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, għaqdiet ambjentali u l-pubbliku.
Il-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti laqa’ b’sodisfazzjon l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u qal li l-approvazzjoni tal-Pjan ta’ Malta għall-Fond Soċjali għall-Klima “turi l-impenn tagħna biex niżguraw li t-tranżizzjoni ekoloġika twassal għal benefiċċji konkreti fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies. Permezz ta’ dan l-investiment ser ngħinu lill-familji vulnerabbli jnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija u tat-trasport, nappoġġjaw lin-negozji ż-żgħar biex jadattaw għal teknoloġiji aktar nodfa u nagħmlu trasport sostenibbli aktar aċċessibbli. L-għan tagħna huwa li ntejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies filwaqt li niżguraw li ħadd ma jitħalla lura.”
L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Malta għall-Fond Soċjali għall-Klima issa tista’ tibda, bil-miżuri jiġu introdotti gradwalment sabiex iwasslu benefiċċji konkreti għaċ-ċittadini, in-negozji u l-komunitajiet, filwaqt li jkomplu jsaħħu l-objettivi ta’ Malta fil-qasam tal-klima u l-enerġija sal-2032.
Stqarrijiet Oħra:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922