STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Malta u l-Italja jsaħħu s-sħubija strateġika dwar il-migrazzjoni u s-sigurtà
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield kellu laqgħa bilaterali mal-Ministru tal-Intern Taljan Matteo Piantedosi, li matulha ġiet ikkonfermata mill-ġdid is-sħubija b’saħħitha u fit-tul bejn Malta u l-Italja.
Matul il-laqgħa ġew diskussi temi ewlenin relatati mal-migrazzjoni, is-sigurtà, il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-protezzjoni ċivili. Iż-żewġ Ministri enfasizzaw l-importanza ta’ koordinazzjoni mill-qrib sabiex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi komuni fir-reġjun tal-Mediterran Ċentrali.
Fir-rigward tal-migrazzjoni, il-Ministri laqgħu b’sodisfazzjon ir-riżultati pożittivi miksuba permezz tal-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi, fosthom it-tnaqqis sostnut fil-wasliet irregolari tul ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali.
Id-diskussjonijiet iffukaw fuq l-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, it-tisħiħ tas-sistemi ta’ ritorn, il-koperazzjoni aktar mill-qrib mal-pajjiżi ewlenin tal-oriġini u tat-tranżitu, kif ukoll fuq l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet prattiċi u innovattivi biex il-migrazzjoni irregolari tiġi indirizzata b’mod aktar effettiv.
Il-Ministru Glenn Bedingfield tenna l-appoġġ ta’ Malta għal dimensjoni esterna aktar b’saħħitha tal-politika migratorja tal-Unjoni Ewropea, għat-tkomplija tal-impenn mal-Libja, kif ukoll għall-implimentazzjoni ta’ miżuri innovattivi li jwasslu għal riżultati konkreti fit-tnaqqis tal-migrazzjoni irregolari u fil-ġlieda kontra n-networks tal-faċilitazzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, b’mod partikolari permezz tal-istabbiliment ta’ ċentri ta’ ritorn.
Iż-żewġ naħat ikkonfermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jkomplu jsaħħu l-kollaborazzjoni favur approċċ sigur, ordnat u sostenibbli għall-ġestjoni tal-migrazzjoni, filwaqt li jkomplu jsaħħu l-istabbiltà u s-sigurtà fir-reġjun.
Il-Ministri rrevedew ukoll il-kooperazzjoni eċċellenti bejn l-awtoritajiet Maltin u Taljani tal-infurzar tal-liġi, li qed tkompli twassal għal riżultati konkreti fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-kriminalità finanzjarja, it-traffikar tad-droga u theddid ieħor transkonfinali. Il-Ministru Bedingfield irringrazzja lill-Italja għall-appoġġ kontinwu tagħha, inkluż permezz ta’ taħriġ speċjalizzat, koperazzjoni operattiva u skambju ta’ għarfien u esperjenza.
Il-protezzjoni ċivili u t-tħejjija għall-emerġenzi kienu wkoll fuq nett tal-aġenda, biż-żewġ naħat jaqblu li jkomplu jsaħħu l-koperazzjoni fil-qasam tat-tifi tan-nirien, ir-rispons għad-diżastri u l-ġestjoni tal-emerġenzi.
Fi tmiem il-laqgħa, iż-żewġ ministri saħqu li l-isfidi komuni fil-Mediterran jeħtieġu soluzzjonijiet komuni. Il-Ministri Glenn Bedingfield u Matteo Piantedosi qablu li jkomplu jaħdmu flimkien sabiex isaħħu s-sigurtà, jippromwovu l-istabbiltà u javvanzaw approċċ Ewropew aktar effettiv u sostenibbli fil-qasam tal-migrazzjoni.
Stqarrijiet Oħra:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922