Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA L-investiment soċjali fl-ewwel nofs tas-sena jilħaq €946 miljun – l-akbar ammont qatt irreġistrat f'dan il-perjodu

PR261245
Date Icon 24/07/2026

L-investiment fil-pensjonijiet u fil-benefiċċji soċjali kompla jissaħħaħ fl-ewwel sitt xhur tas-sena, u laħaq aktar minn €946 miljun – l-ogħla ammont li qatt ġie rreġistrat f'dan il-perjodu tas-sena.

Skont iċ-ċifri ppubblikati llum, mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), l-investiment fuq benefiċċji kontributorji u mhux kontributorji żdied b'€88.3 miljun meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2025. L-akbar żidiet ġew irreġistrati fil-pensjonijiet u fil-benefiċċji mmirati lejn il-familji u l-anzjani.

Minbarra ż-żieda netta ta' madwar 2,200 pensjonant kontributorju ġdid – li b'kollox issa jammontaw għal 100,173 – il-kawża ewlenija ta' dan it-tkabbir qawwi kienet l-implimentazzjoni tal-maġġoranza tal-miżuri soċjali tal-Budget 2026 fl-ewwel nofs tas-sena.

B'kollox, l-investiment fuq il-pensjonijiet kontributorji u mhux kontributorji, flimkien mal-bonuses laħaq madwar €730 miljun, li tfisser żieda ta' €62.4 miljun fuq l-istess perjodu tas-sena ta' qabel.  Barra minn hekk, tħallsu aktar minn €11-il miljun lil madwar 13,400 persuna – l-aktar nisa – li mhumiex intitolati għall-pensjoni minħabba nuqqas ta' kontribuzzjonijiet.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja, Michael Falzon, sostna li dawn il-miżuri tejbu b'mod sinifikanti d-dħul tal-pensjonanti. Minbarra ż-żieda ta' €10 fil-ġimgħa, saru wkoll aġġustamenti fil-pensjonijiet ta' dawk imwielda qabel l-1962 u tar-romol. Barra minn hekk, sar titjib fil-Bonus tal-Għoli tal-Ħajja li jitħallas separatament mal-pensjoni, sabiex tneħħiet id-diskrepanza fir-rati skont is-sena meta bdiet titħallas il-pensjoni.

Il-Ministru Falzon semma wkoll it-titjib fil-pensjonijiet ta' persuni miżżewġa li kienu jirċievu pensjoni mnaqqsa minħabba l-pensjoni tal-konjugi. Din id-differenza tneħħiet, u b'hekk dawn il-persuni bdew jirċievu pensjoni ogħla.

Il-ħlasijiet lill-familji bit-tfal, anzjani u persuni bi dħul baxx jew medju żdiedu b'€21 miljun, għal total ta' aktar minn €127 miljun. Dan kien riżultat ta' titjib fir-rati taċ‑Children's Allowance, tal‑bonus għat‑twelid u l‑adozzjoni, tal‑In‑Work Benefit, tal‑Allowance Supplimentari, kif ukoll tal‑Għotja għall‑Anzjani. Kontribut ieħor kien il-Benefiċċju Addizzjonali għall-Għoli tal-Ħajja lil aktar minn 100,000 familja.

Il-Ministru Michael Falzon esprima s-sodisfazzjon tiegħu li fl-ewwel nofs tas-sena, id-dipendenza fuq l-għajnuna soċjali kompliet tonqos – kemm fl-għadd ta' benefiċjarji kif ukoll fin-nefqa – filwaqt li l-investiment fil-protezzjoni soċjali kompla jikber b'mod sostenibbli. Huwa temm jirringrazzja lill-ħaddiema kollha tad-Dipartiment u tal-Ministeru kollu tal-ħidma bla waqfien tagħhom.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow