STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Imniedi kunċett t’after care għal priġunieri li jkunu waslu fl-aħħar tas-sentenza tagħhom
Il-Gvern iffirma ftehim soċjali ma’ żewġ NGO’s f’daqqa, bil-għan li joffri programm t’after care għal persuni li jkunu skontaw sentenza ta’ priġunerija, u jkunu waslu sabiex jintegraw lura fis-soċjetà.
Il-ftehim OARS, illi se jitħaddem mal-NGO’s SOS Malta u Mid-Dlam għad-Dawl huwa wieħed innovattiv għaliex se jibda jopera minn ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin stess. Il-proċess jibda bl-identifikazzjoni tal-priġunieri li jibdew programm ta’ reintegrazzjoni fl-aħħar sitt ġimgħat tas-sentenza tagħhom.
Dan ikun il-bidu ta’ proċess li jdum għaddej sa madwar sitt xhur wara li jkunu ħarġu mill-ħabs, bl-għan ewlieni jkun li dawn l-individwi ma jerġgħux jispiċċaw f’reċediviżmu, u jkollhom stabbiltà fl-aktar perjodu kritiku.
L-investiment se jlaħħaq il-€1.2 miljun fuq medda ta’ tliet snin, u se jkun qed jagħti sapport psikosoċjali, filwaqt li jgħin lil dawn il-persuni jkunu referuti għall-opportunitajiet ta’ xogħol, u residenza fissi fost oħrajn.
Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet nhar il-Ħamis filgħodu, mill-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja Michael Falzon u l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Glenn Bedingfield.
Il-Ministru Michael Falzon spjega li dan l-investiment b’saħħtu se jsaħħaħ it-terapija kemm lill-priġunieri kif ukoll lill-familjari tagħhom. “Dak li qed inħabbru llum huwa miżura tal-manifest elettorali, sabiex naraw li nipprovdu struttura b’saħħitha u ta’ sapport għal dawk il-persuni li jkunu xellfu difrejhom mal-ġustizzja,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Il-Ministru Glenn Bedingfield qal li, “Permezz tal-programm OARS qed ninvestu fir-riabilitazzjoni u fir-reintegrazzjoni, biex persuni li jkunu skontaw is-sentenza tagħhom jingħataw l-appoġġ meħtieġ biex jerġgħu jibnu ħajjithom. Kull persuna li tagħżel triq ġdida u ma terġax twettaq reat tfisser komunità aktar sigura, familja aktar stabbli u futur aħjar għal kulħadd. Għax is-suċċess vera ma jitkejjilx b’kemm-il persuna jkollna l-ħabs, iżda b’kemm-il persuna li toħroġ mill-ħabs qatt ma tirritorna lura.”
Other Press Releases:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922