STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL Titnieda konsultazzjoni pubblika dwar regolamenti ġodda li jirregolaw il-professjoni tal-Kirurgi Veterinarji
Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel nieda konsultazzjoni pubblika dwar l-Abbozz tar-Regolamenti tal-2026 dwar ir-Reġistrazzjoni u l-Ħruġ tal-Warrant tal-Kirurgi Veterinarji, li għandhom l-għan li jsaħħu u jimmodernizzaw il-qafas legali li jirregola l-professjoni veterinarja f'Malta.
Waqt sessjoni ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel Anton Refalo enfasizza l-importanza ta’ qafas regolatorju modern li jħares il-benesseri tal-annimali, is-saħħa pubblika u l-ogħla standards professjonali.
“Professjoni veterinarja b’saħħitha u regolata tfisser aktar protezzjoni għall-annimali, aktar sigurtà għaċ-ċittadini u aktar fiduċja fis-servizzi veterinarji. Permezz ta’ dawn ir-regolamenti qed inkomplu nallinjaw il-qafas legali tagħna mal-istandards Ewropej filwaqt li nsaħħu l-governanza u r-responsabbiltà professjonali fis-settur,” qal il-Ministru Refalo.
Ir-regolamenti jipproponu sistema aktar ċara għar-reġistrazzjoni, il-ħruġ tal-warrant u s-superviżjoni tal-kirurgi veterinarji. Huma jistabbilixxu kriterji ċari għall-eżerċizzju tal-professjoni, proċess trasparenti għall-applikazzjonijiet u qafas għall-għoti ta’ servizzi temporanji minn professjonisti stabbiliti fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea.
L-abbozz isaħħaħ ukoll l-obbligi professjonali, fosthom il-ħtieġa ta’ assigurazzjoni ta’ indennizz professjonali, il-konformità mal-Kodiċi tal-Kondotta Professjonali u l-parteċipazzjoni f’Żvilupp Professjonali Kontinwu (CPD). Veterinarji li jkunu għadhom kif ikkwalifikaw se jkunu meħtieġa wkoll itemmu Professional Development Phase qabel ma jidħlu bis-sħiħ fil-prattika professjonali.
Ir-regolamenti jipproteġu l-użu tat-titli “Veterinary Surgeon”, “Veterinarian” u “Vet”, filwaqt li jiddefinixxu b’mod ċar l-attivitajiet veterinarji li jistgħu jitwettqu biss minn professjonisti awtorizzati. Fl-istess ħin, jintroduċu miżuri aktar b’saħħithom ta’ infurzar kontra prattika mhux awtorizzata u użu illegali ta’ titli professjonali.
Il-Ministeru qed jistieden lill-kirurgi veterinarji, lill-partijiet interessati u lill-pubbliku sabiex jipparteċipaw fil-konsultazzjoni pubblika permezz tas-sit konsultazzjoni.gov.mt. Il-perjodu ta’ konsultazzjoni jagħlaq fis-7 ta’ Settembru 2026. Il-kontribut li jasal matul il-konsultazzjoni se jgħin biex il-qafas regolatorju finali jirrifletti l-ħtiġijiet tal-professjoni u jkompli jsaħħaħ il-fiduċja fis-servizzi veterinarji f'Malta.
Stqarrijiet Oħra:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922