STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-KABINETT
Aġġornament u pubblikazzjoni tal-Manual for setting the categorisation, classification and remuneration of government-appointed boards and committees u l-Code of Ethics for members of boards and committees in the public sector
- Proċeduri aktar sodi, aktar kontabbiltà u kontrolli akbar fuq in-nefqa pubblika
Il-Prim Ministru poġġa fuq il-mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti verżjoni aġġornata tal-Manual for setting the categorisation, classification and remuneration of government-appointed boards and committees. Dan il-Manwal jirregola l-kategoriji tal-bordijiet u kumitati maħtura mill-Gvern kif ukoll il-ħlas tagħhom.
L-aġġornament tal-Manwal huwa bbażat fuq l-esperjenzi u l-ħtiġijiet li tqajmu matul proċess estensiv fl-amministrazzjoni pubblika sabiex kull bord u kumitat maħtura mill-Gvern jitpoġġa f'kategorija u klassifikat skont dawn il-linji gwida. Dan kien eżerċizzju li sar tul numru ta' snin u t-tlestija tiegħu wasslet għal konsolidazzjoni ta' bordijiet u kumitati eżistenti, aktar ċarezza fil-proċeduri tal-ħatriet u kontrolli akbar fuq in-nefqa pubblika.
L-aġġornament tal-Manwal isaħħaħ il-proċess ta' verifika li jrid jitħares meta jkun hemm reviżjonijiet fil-ħlas u l-proċedura li trid tiġi segwita meta jinħolqu bordijiet ġodda. Ġew iċċarati bosta klawsoli fil-Manwal relatati mal-ħatriet ta' segretarji kif ukoll sotto-kumitati u bordijiet sussidjarji ta' kumpaniji kummerċjali. Se jissaħħaħ ukoll l-irwol ta' standing committee fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru sabiex dan ikun jista' jagħti gwida aktar effettiva lill-ministeri fl-implimentazzjoni tal-Manwal.
L-ebda proċedura ma se tkun tista' titwettaq mingħajr id-direzzjoni u l-involviment tas-segretarji permanenti ta' kull ministeru. Fil-fatt it-tisħiħ tal-Manwal huwa kkumplimentat b'aġġornament estensiv tal-Code of Ethics for members of boards and committees in the public sector. Dan id-dokument huwa anness mal-Manwal u jintroduċi klawsoli importanti ġodda relatati mal-akkwist pubbliku, proċeduri kif jiġu indirizzati kunflitti ta' interess, l-attendenza u obbligi oħra li japplikaw għaċ-chairpersons u l-membri tal-bordijiet.
Ir-reviżjonijiet li saru fil-Manwal u l-Kodiċi tal-Etika jirriflettu wkoll numru ta' rakkomandazzjonijiet li saru mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika bħala parti minn awditjar fuq l-implimentazzjoni tal-Manwal li sar fl-2024. Ir-rakkomandazzjonijiet li ħarġu minn dak l-eżerċizzju ġew inkorporati fl-emendi li saru fil-proċess ta' reviżjoni li kien diġà nbeda dak iż-żmien.
Il-Manwal u l-Kodiċi tal-Etika aġġornati jistgħu jiġu aċċessati fuq: https://opm.gov.mt/wp-content/uploads/2026/07/Manual-for-government-appointed-board-and-committees-Cabinet-Office-2026.pdf
Other Press Releases:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922