STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Il-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali lest biex jilqa’ l-44 edizzjoni tal-Farsons Beer Festival
Il-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali jinsab lest biex għal sena oħra jilqa’ l-Farsons Beer Festival, avveniment ewlieni fil-kalendarju tas-sajf Malti li kull sena jattira eluf ta’ Maltin u turisti, u jkompli jikkonferma l-Park bħala spazju nazzjonali għal attivitajiet ta’ kwalità.
Il-Farsons Beer Festival huwa wieħed mill-akbar festivals fil-gżejjer Maltin, li matul għaxart ijiem jgħaqqad programm varjat ta’ mużika live, artisan market, areas għal ikel u area li tospita lit-tfal b’mod sigur.
Qabel il-ftuħ tal-festival, il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli, flimkien maċ-Chairman tal-Park Nazzjonali Jason Micallef u l-Business Support Manager ta’ Farsons Group Brian Vella, żaru l-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali sabiex jaraw mill-qrib l-aħħar tħejjijiet li qed isiru qabel il-bidu ta’ edizzjoni oħra ta’ dan l-avveniment.
Waqt iż-żjara, il-Ministru Alison Zerafa Civelli qalet li l-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali qed ikompli jikkonsolida ruħu bħala wieħed mill-aktar spazji pubbliċi importanti f’Malta, kapaċi jilqa’ avvenimenti ta’ livell għoli li jattiraw eluf ta’ viżitaturi kull sena.
“Il-Farsons Beer Festival huwa eżempju ċar ta’ kif l-investiment li għamel il-Gvern fil-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali qed jagħti l-frott. Illum dan il-park sar spazju modern u aċċessibbli li jista’ jilqa’ avvenimenti ta’ din il-portata, li mhux biss joffru esperjenza ta’ divertiment ta’ kwalità, iżda joħolqu wkoll attività ekonomika u jkomplu jsaħħu l-offerta turistika ta’ pajjiżna,” sostniet il-Ministru.
Iċ-Chairman tal-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali, Jason Micallef, qal li l-preparamenti għall-Farsons Beer Festival huma eżempju ieħor tal-ħidma kontinwa sabiex il-Park jibqa’ spazju ħaj, aċċessibbli u miftuħ għal kulħadd.
Min-naħa tiegħu, Brian Vella spjega li l-Farsons Beer Festival se jsir bejn il-Ħamis 23 ta’ Lulju u s-Sibt 1 ta’ Awwissu fil-Park u se joffri programm ta’ għaxart ijiem ta’ divertiment għall-pubbliku kollu.
Din l-edizzjoni se tinkludi għażla ta’ aktar minn 40 birra lokali u internazzjonali, inklużi ciders, birer artiġjanali u għażliet bla glutina, filwaqt li fuq il-Main Stage, ir-Rock Stage u l-Casa Electronica se jkun hemm programm mużikali varjat b’parteċipazzjoni ta’ artisti u gruppi Maltin u internazzjonali.
Id-dħul għal festival huwa b’xejn u jiftaħ kuljum fit-8pm. Għal aktar konvenjenza tal-pubbliku se jkun hemm ukoll żewġ parkeġġi kbar madwar il-Park kif ukoll servizz ta’ Park and Ride mill-Padiljun tal-Basketball.
Stqarrijiet Oħra:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922