STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Carmelo Abela, jagħmel l-ewwel żjara uffiċjali tiegħu fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika
L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Carmelo Abela, akkumpanjat mill-Iskrivana tal-Kamra, is-Sa Eleanor Scerri, dalgħodu għamel l-ewwel żjara uffiċjali tiegħu fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) fil-Furjana, fejn intlaqa' mill-Awditur Ġenerali, is-Sur Charles Deguara. Is-Sur Deguara irringrazzja lill-Ispeaker talli sab il-ħin, minkejja l-impenji numerużi tiegħu, sabiex iżur l-Uffiċċju u jiltaqa' mal-impjegati tiegħu.
Matul iż-żjara, l-Awditur Ġenerali, akkumpanjat mill-membri tal-ogħla livell maniġerjali tal-Uffiċċju, għamel preżentazzjoni qasira dwar il-ħidma mwettqa minn dan l-Uffiċċju Kostituzzjonali, b'enfasi partikolari fuq il-missjoni ewlenija tiegħu li jipprovdi assigurazzjoni lill-Parlament, u fl-aħħar mill-aħħar liċ-ċittadini, li l-fondi pubbliċi qed jintużaw bl-aħjar mod possibbli u skont il-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ. Huwa enfasizza li, matul l-inkarigi kollha ta' verifika tiegħu, l-objettiv ewlieni tal-Uffiċċju huwa li jsaħħaħ il-governanza tajba fis-settur pubbliku kollu.
Fl-indirizz tiegħu, l-Ispeaker stqarr li l-ewwel żjara uffiċjali tiegħu fl-NAO tirrifletti l-importanza li huwa jagħti lir-rwol kostituzzjonali tal-Uffiċċju u lir-relazzjoni istituzzjonali mill-qrib bejn l-NAO u l-Parlament. Huwa enfasizza li t-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u l-amministrazzjoni xierqa tal-fondi pubbliċi huma pedamenti essenzjali tal-fiduċja pubblika u tal-governanza tajba. L-Ispeaker esprima wkoll l-apprezzament tal-Parlament għall-professjonalità, l-indipendenza u l-impenn murija mill-Awditur Ġenerali u mill-impjegati tal-Uffiċċju fit-twettiq ta' dmirijiethom, filwaqt li saħaq li l-ħidma tal-NAO ssaħħaħ l-iskrutinju parlamentari u tikkontribwixxi direttament għal amministrazzjoni pubblika aktar responsabbli, effettiva u trasparenti. L-Ispeaker fakkar ukoll lill-impjegati tal-NAO fl-importanza li jwettqu dmirijiethom b'ġustizzja u b'sens ta' responsabbiltà.
Matul din il-laqgħa, l-Awditur Ġenerali ippreżenta formalment lill-Ispeaker ir-Rapport Annwali u l-Istqarrijiet Finanzjarji tal-NAO għas-sena 2025. Essenzjalment, dan ir-Rapport komprensiv u informattiv jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet ewlenin tal-Uffiċċju, il-kisbiet tiegħu u l-prestazzjoni finanzjarja matul is-sena. Ir-Rapport jenfasizza wkoll l-avvenimenti ewlenin, l-inizjattivi strateġiċi u l-isforzi kollaborattivi li twettqu. L-Awditur Ġenerali esprima wkoll l-apprezzament tiegħu lit-Tim Editorjali għall-ħidma tagħhom fuq din il-pubblikazzjoni.
Stqarrijiet Oħra:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922