STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA €2.8 miljun għal tlett idjar fil-komunità għal persuni bi sfidi ta’ saħħa mentali
Ftehim ġdid bejn il-Ministeru għas-Saħħa u l-Fondazzjoni Suret il-Bniedem
Il-Ministeru għas-Saħħa qed jinvesti madwar €2.8 miljun fi tliet snin għal tlett idjar fil-komunità mmexxija mill-Fondazzjoni Suret il-Bniedem, li toffri kenn u appoġġ lil persuni bi sfidi ta’ saħħa mentali.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Ian Borg, ħabbar dan l-investiment waqt l-iffirmar ta’ ftehim bejn is-Servizzi Nazzjonali għas-Saħħa Mentali (National Mental Health Services) u l-Fondazzjoni Suret il-Bniedem, li tmexxi Dar Imelda, Dar Franġisk u Dar Victoria.
Il-ftehim, li ġie ffirmat fil-jiem li għaddew, qed isaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u din l-għaqda nongovernattiva, sabiex tkompli ttejjeb is-servizzi tagħha u tgħin biex aktar persuni li jkollhom bżonn kura mentali jibqgħu jgħixu fil-komunità b’dinjità u ħarsien sħiħ. Huwa l-ewwel Ftehim ta’ Sħubija Soċjali Pubblika (PSP) tax-xorta tiegħu li qed jifformalizza din il-kollaborazzjoni għall-operat ta’ Dar Imelda, Dar Franġisk u Dar Victoria, li flimkien jistgħu joffru għajnuna lil 32 persuna.
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg spjega kif din il-ħidma konġunta bejn is-Servizzi Nazzjonali għas-Saħħa Mentali u l-Fondazzjoni Suret il-Bniedem tixhed l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn il-Gvern, is-settur privat, il-komunitajiet u l-għaqdiet mhux governattivi għat-titjib tas-servizzi tas-saħħa mentali f’Malta u Għawdex.
“Dan huwa ftehim li jara investiment mill-Gvern flimkien ma’ kollaborazzjoni ma’ għaqdiet mhux governattivi li se jkun kruċjali sabiex il-kura tas-saħħa mentali f’pajjiżna tibqa’ timxi maż-żminijiet, tkun effettiva u tiffaċilita l-integrazzjoni fis-soċjetà,” qal Dr Borg.
Iċ-Chairperson ta’ Fondazzjoni Suret il-Bniedem Dr Marique Sciberras faħħret dan il-ftehim li qed jagħti aktar ċertezza biex is-servizzi f’dawn it-tlett idjar jibqgħu jitjiebu b’mod sostenibbli fis-snin li ġejjin.
“Il-Fondazzjoni Suret il-Bniedem, immexxija mill-Patrijiet Kapuċċini, tilqa’ persuni bi sfidi ta’ saħħa mentali fi tlieta mill-ħamest idjar li tmexxi. Permezz ta’ dan il-ftehim se nkomplu nsaħħu kollaborazzjoni li diġà tat ħafna riżultati sbieħ matul is-snin. L-evidenza turi li persuni bi sfidi ta’ saħħa mentali jmorru aħjar meta jgħixu f’ambjent komunitarju adattat għall-bżonnijiet tagħhom, u dan il-ftehim se jgħinna nkomplu nibnu fuq ħidma li ilha għaddejja għal numru ta’ snin,” qalet Dr Sciberras.
Minbarra l-appoġġ finanzjarju mill-Ministeru għas-Saħħa, il-ftehim ġdid ifassal qafas ċar għall-finanzjament u l-governanza tas-servizzi offruti mill-Fondazzjoni, filwaqt li jsaħħaħ il-kontinwità, it-trasparenza u r-responsabbiltà fl-għoti tal-kura lil persuni li jeħtieġu appoġġ residenzjali fit-tul f’dawn it-tlett idjar. B’hekk, se jkompli jiżgura li dawn is-servizzi jibqgħu jingħataw bi standards għoljin ta’ kwalità u b’rispett sħiħ lejn id-dinjità tal-persuna.
Other Press Releases:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922