STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA Joint Audit: Government Leasing of Private Property – Insights from selected case studies
L-Awditur Ġenerali, is-Sur Charles Deguara, ippreżenta lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Carmelo Abela, l-Awditu msemmi hawn fuq. Dan ir-Rapport, imħejji b’mod konġunt mit-Taqsima responsabbli għall-Awditjar tal-Prestazzjoni (Performance Audit Section) kif ukoll dik responsabbli għall-Awditjar tal-Finanzi u tal-Konformità (Financial and Compliance Section) fi ħdan l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO), eżamina xi kazijiet ta’ kiri ta’ propjetà privata minn entitajiet governattivi. L-għan prinċipali ta’ dan l-Awditu kien li jevalwa l-konformità mal-qafas regolatorju kif ukoll mal-prinċipji tal-governanza tajba u tal-valur għall-flus.
Dan l-Awditu jibni fuq rapport preċedenti tal-NAO, Preliminary Review: Leasing of Private Property by Government, ippubblikat fi Frar tal-2024, li saħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħaħ l-immaniġġjar tal-propjetà fis-settur pubbliku. Dan ir-Rapport jiffoka fuq tliet kirjiet ta’ propjetà li jinvolvu lill-Awtorità ta’ Malta dwar il-Logħob (Malta Gaming Authority), il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali (Ministry for Agriculture, Fisheries and Animal Rights), u l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (Malta Competition and Consumers Affairs Authority). Il-pjan oriġinali ta’ din il-Verifika kien jinkludi r-raba’ kirja ta’ propjetà privata, però din bħalissa tinsab taħt investigazzjoni u għaldaqstant ma ġietx inkluża f’dan ir-Rapport.
L-Awditu rrikonoxxa li l-intenzjoni tal-Entitajiet Governattivi konċernati kienet li jindirizzaw il-bżonnijiet operattivi tagħhom sabiex ikomplu jipprovdu s-servizzi pubbliċi mill-binjiet mikrija. Madankollu, din il-verifika nnutat istanzi fejn il-governanza setgħet tissaħħaħ, partikolarment f’dak li jirrigwarda l-ippjanar u s-sorveljanza.
Il-kiri tal-propjetà mhux dejjem kien sostnut b’analiżi wiesgħa, bħal cost benefit analysis u evalwazzjoni tal-għażliet alternattivi. F’dan ir-rigward, kienet teżisti wkoll l-opportunità li tinżam dokumentazzjoni aktar komprensiva u formali li turi l-proċess li wassal għad-deċiżjoni li l-binja magħżula kellha l-potenzjal li taqdi l-bżonnijiet partikolari bl-iktar mod ekonomiku.
In-nuqqas ta’ qafas komprensiv għall-kiri ta’ propjetà privata mis-settur pubbliku, wassal għal inkonsistenzi fl-ippjanar, fl-akkwist u fl-immaniġġjar ta’ tali kirjiet. Minkejja li dawn in-nuqqasijiet ma jitqisux bħala irregolaritajiet, l-Entitajiet Governattivi konċernati, użaw metodi u interpretazzjonijiet differenti għall-kiri ta’ propjetà privata.
Ġew identifikati wkoll opportunitajiet għal titjib fir-rigward tal-ġestjoni tal-kuntratti u tal-valur għall-flus. Din il-Verifika nnutat każijiet fejn il-klawżoli kuntrattwali ma kinux ċari biżżejjed, kif ukoll istanzi fejn l-ippjanar t’investiment kapitali jew ta’ rinnovament seta’ sar aħjar.
Dan l-Awditu kkonkluda li għalkemm l-arranġamenti ta’ kiri eżaminati fil-parti l-kbira indirizzaw il-ħtiġijiet operattivi tal-Entitajiet konċernati, jeħtieġ li jissaħħu l-mekkaniżmi ta’ governanza, li jikkontribwixxu għal aktar transparenza, kontabbiltà u titjib fl-immaniġġjar tal-finanzi.
Minbarra l-Leġizlazzjoni Sussidjarja (S.L.) 601.12, maħruġa f’April 2020, li fittxet li tarmonizza u ssaħħaħ il-qafas regolatorju, l-NAO jirrakkomanda t-twaqqif ta’ strutturi ċentralizzati għall-kiri mis-settur privat għal użu tas-settur pubbliku. Dan iwassal biex jiġu stabbiliti standards iktar ċari li jistabbilixxu l-bżonnijiet għall-kiri, l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji, il-proċeduri tal-akkwist, kif ukoll il-ġestjoni u s-sorveljanza tal-kuntratti. Qafas bħal dan jgħin fit-teħid ta’ deċiżjonijiet aktar konsistenti, isaħħaħ it-trasparenza u l-kontabilità filwaqt li jgħin biex jiżgura li l-fondi pubbliċi jintużaw bl-aktar mod effettiv u effiċjenti.
Ir-Rapport jista’ jiġi aċċessat billi żżur il-wesbsite tagħna nao.gov.mt jew il-paġna ta’ Facebook www.facebook.com/NAOMalta.
Stqarrijiet Oħra:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922