STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Malta u l-IOM isaħħu l-kollaborazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Glenn Bedingfield kellu laqgħa introduttorja ma’ Salvatore Sortino, Kap tal-Missjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) għall-Italja u Malta u Rappreżentant għas-Santa Sede, li matulha ddiskutew il-kooperazzjoni fit-tul bejn Malta u l-IOM fil-qasam tal-immigrazzjoni.
Id-diskussjonijiet iffukaw fuq it-tisħiħ tal-kollaborazzjoni f’oqsma ewlenin, fosthom ir-ritorn volontarju assistit u r-reintegrazzjoni, il-programmi ta’ rilokazzjoni u risistemazzjoni, il-ġlieda kontra min jiffaċilita l-immigrazzjoni irregolari, kif ukoll il-promozzjoni ta’ immigrazzjoni għall-impjieg ibbażata fuq prinċipji etiċi. Il-Ministru tenna l-impenn ta’ Malta li tkompli taħdem mill-qrib mal-IOM sabiex l-immigrazzjoni tkun ġestita b’mod uman, ordnat u sostenibbli, filwaqt li jissaħħu l-politiċi ta’ ritorn u tiġi miġġielda l-immigrazzjoni rregolari.
“L-IOM tibqa’ sieħeb internazzjonali ewlieni fl-appoġġ tal-objettivi ta’ Malta fil-qasam tal-migrazzjoni. Ninsabu ħerqana li nkomplu nibnu fuq din ir-relazzjoni b’saħħitha, partikolarment fil-promozzjoni tar-ritorni volontarji, l-appoġġ lil persuni vulnerabbli u fl-indirizzar tal-isfidi migratorji li qed jiffaċċja r-reġjun tal-Mediterran Ċentrali,” qal il-Ministru Bedingfield.
Il-Ministru Bedingfield laqa’ wkoll il-ħidma tal-IOM biex tindirizza l-kawżi ewlenin tal-immigrazzjoni rregolari permezz ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni fil-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu, li jinfurmaw lill-persuni dwar ir-riskji tal-migrazzjoni irregolari u jippromwovu mogħdijiet sikuri u regolari għall-migrazzjoni.
Stqarrijiet Oħra:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922