STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU Għaddejjin l-aħħar tħejjijiet għat-18-il edizzjoni tal-Isle of MTV Malta
Il-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela żar il-Fosos tal-Floriana fejn għaddejjin l-aħħar tħejjijiet biex għada tittella’ t-tmintax il-edizzjoni tal-Isle of MTV Malta.
L-Isle of MTV Malta jibqa’ wieħed mill-aktar avvenimenti internazzjonali importanti fil-kalendarju turistiku u kulturali ta’ Malta, filwaqt li jkompli jsaħħaħ il-profil tal-pajjiż bħala destinazzjoni moderna u dinamika għall-mużika.
Il-programm tant mistenni ta’ din is-sena jinkludi lill-artisti ta’ fama internazzjonali Katy Perry u Afrojack. Magħhom jingħaqdu bosta artisti lokali li flimkien se jwasslu lejl indimentikabbli ta’ wirjiet ta’ livell dinji u divertiment fuq il-Fosos tal-Floriana.
Il-Ministru Abela spjega li permezz tas-sħubija bejn il-Gvern ta’ Malta, l-Awtorità tat-Turiżmu u l-MTV, il-pajjiż ikompli jilħaq udjenzi internazzjonali ta’ miljuni ta’ persuni, filwaqt li jippromwovi mhux biss l-avveniment innifsu, iżda wkoll dak kollu li Malta u Għawdex għandhom x’joffru lill-viżitaturi.
“Isle of MTV Malta mhuwiex biss kunċert ta’ livell internazzjonali. Huwa investiment fil-promozzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni turistika ta’ kwalità, li jsaħħaħ il-viżibilità tal-pajjiż fis-swieq barranin u jkompli jattira viżitaturi li jfittxu esperjenzi uniċi. Dan huwa konformi mal-viżjoni tagħna li nkomplu nibnu industrija turistika sostenibbli, ibbażata fuq il-kwalità aktar milli fuq il-kwantità, filwaqt li noħolqu aktar opportunitajiet għall-ekonomija u għan-negozji Maltin,” qal il-Ministru Abela.
Il-Ministru Abela semma wkoll kif bi ftehim mal-Gozo high Speed, is-servizz tal-fast ferry se jkun estiż ukoll sa wara li jispiċċa l-festival sabiex iż-żgħażagħ Għawdxin ikunu jistgħu jgawdu s-serata sal-aħħar.
“Is-suċċess kontinwu ta’ Isle of MTV Malta huwa frott ta’ kollaborazzjoni b’saħħitha bejn il-Gvern, l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta, MTV u l-entitajiet kollha involuti, u jkompli jikkonsolida l-pożizzjoni ta’ Malta bħala waħda mid-destinazzjonijiet ewlenin tal-Mediterran għall-avvenimenti internazzjonali,” temm jgħid il-Ministru Abela.
Iċ-Chairman tal-MTA, Charles Mangion qal li “l-importanza tal-Isle of MTV huwa li jattira numru ta’ turisti li jiġu propju għal dan l-avveniment li tgħin biex tagħmel pajjiżna destinazzjoni ta’ interess, imma wkoll tgħaqqad permezz tal-mużika lit-turisti flimkien mal-Maltin. Permezz tal-artisti internazzjonali u dawk lokali li għandna din is-sena, se nkunu qed noffru mix ta’ kultura mużikali fi spettaklu għal dawk kollha li se jattendu dan l-avveniment.”
Russ Samuel, Senior Vice President – Creative & Integrated Marketing ta’ Paramount International Markets, qal li “din is-sena komplejna ngħollu l-livell tal-Isle of MTV Malta fejn irnexxielna nġibu waħda mill-ikbar ismijiet fl-istorja tal-mużika pop Katy Perry. Kantanta ta’ suċċess kbir internazzjonali b’aktar minn 115-il biljun stream u 70 miljun album mibjugħ madwar id-dinja. Inħarsu ’l quddiem li nkomplu nuru lil Malta madwar id-dinja kollha grazzi għal dan l-avveniment.”
Other Press Releases:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922