STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Kap Ġdid għall-Wild Birds Regulation Unit
Il-Ministeru għal Għawdex ħabbar il-ħatra ta’ Kevin Francica bħala l-Kap il-ġdid tal-Wild Birds Regulation Unit (WBRU). Is-Sur Francica għandu aktar minn 36 sena esperjenza fis-servizz pubbliku u għarfien vast fis-settur tal-kaċċa u l-insib. Il-WBRU hija l-Unit responsabbli mill-amministrazzjoni u r-regolamentazzjoni ta’ dan il-qasam, inkluż l-implimentazzjoni tal-politika tal-Gvern u l-koordinazzjoni mal-partijiet interessati biex jiġi żgurat li s-settur jitmexxa skont il-liġijiet nazzjonali u l-obbligi internazzjonali.
Kevin Francica beda l-karriera tiegħu fid-Dipartiment tad-Dwana fl-1989 u matul is-snin serva f’diversi karigi ta’ tmexxija fi ħdan entitajiet differenti tal-Gvern. Fost il-karigi li okkupa hemm dawk ta’ Direttur għall-Affarijiet Internazzjonali, l-Iżvilupp u l-Implimentazzjoni tal-Politika fid-Dipartiment tad-Dwana, Direttur Ġenerali (Compliance & Investigations) fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa, u Direttur Ġenerali (Corporate Services & IT) fi ħdan l-Amministrazzjoni tat-Taxxi u d-Dwana ta’ Malta. Huwa gradwat b’Master of Science fil-Management u għandu diversi kwalifiki oħra relatati mat-tmexxija, il-governanza u l-amministrazzjoni pubblika.
Fil-kariga l-ġdida tiegħu, is-Sur Francica se jmexxi l-Wild Birds Regulation Unit filwaqt li jkompli jsaħħaħ l-effiċjenza amministrattiva tal-Unit u jindirizza l-prijoritajiet relatati mas-settur. Din il-ħatra tifforma parti mill-proċess ta’ tiġdid fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-entitajiet li jaqgħu taħtu.
Fost il-prijoritajiet ewlenin tal-WBRU matul il-perjodu li ġej hemm it-tkomplija tal-ħidma fuq il-qafas leġiżlattiv li jirregola s-settur, is-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi u t-tisħiħ tal-programmi ta’ riċerka.
Il-Ministeru għal Għawdex jirringrazzja lill-Eks Kap tal-WBRU, Richard Lia, għall-ħidma u s-servizz li ta lill-Unit matul l-aħħar snin, u jawgura lil Kevin Francica kull suċċess fil-kariga l-ġdida tiegħu.
Other Press Releases:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922