Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Jiskatta l-proċess biex tidħol ir-Riforma tal-Appelli – Ġustizzja fl-Ippjanar

PR261224
Date Icon 21/07/2026

F'konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta' Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Infrastruttura,l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard ippreżentaw r-Riforma tal-Appelli għal ġustizzja fl-ippjanar.

Dr Abela spjega kif din ir-riforma se tiżgura bilanċ bejn l-interess ta' min jappella fuq applikazzjoni ta' żvilupp kif ukoll l-applikant, filwaqt li taċċerta regoli ċari favur il-bilanċ u l-fiduċja fis-sistema.

“Qegħdin hawn biex nagħmlu pass importanti lejn sistema tal-ippjanar li tkun aktar ġusta, aktar ċara u aktar effettiva," qal il-Prim Ministru Robert Abela. Il-Prim Ministru spjega kif din ir-riforma se tfisser illi meta jsir appell fuq permess ta' żvilupp, ix-xogħlijiet marbuta mal-permess jiġu sospiżi.

Sal-lum, minkejja li permess jista' jiġi appellat, ix-xogħlijiet jistgħu jkunu diġà bdew jew inkella saħansitra spiċċaw. “Ma jistax ikun li persuna jew komunità tressaq appell, iżda sa ma tinstema' l-kawża, ix-xogħol ikun diġà beda jew saħansitra tlesta. F'dik is-sitwazzjoni, l-appell ikun jeżisti fuq il-karta, imma mhux dejjem fil-ħajja reali. Għalhekk il-prinċipju ewlieni ta' din ir-riforma hu li, meta jsir appell relevanti, il-permess jiġi sospiż awtomatikament sakemm il-proċess jinqata' b'mod finali," qal il-Prim Ministru Robert Abela.

Spjega kif il-liġi mressqa mill-Gvern se tkun qed tassigura wkoll li l-proċess ta' appell ma jispiċċax “f'ċirku bla tmiem" għad-detriment tal-appellant u anke l-applikant għal żvilupp. Għalhekk il-proposta tal-Gvern tesiġi li wara s-sospensjoni awtomatika tal-permess, it-Tribunal tal-Awtorità tal-Ippjanar irid isejjaħ l-ewwel seduta fi żmien 30 jum. L-istess Tribunal hu mistenni li ma jdumx aktar minn sitt xhur sabiex jagħti d-deċiżjoni tiegħu.

Dr Abela kompla jispjega illi jekk wara d-deċiżjoni tat-Tribunal ikun għad hemm lok għal appell, “dan jista' jitressaq quddiem il-Qorti tal-Appell fi żmien 20 jum. Il-Qorti mbagħad hu mistenni li jkollha erba' xhur biex tiddeċiedi, b'estensjoni massima ta' xahrejn."

Kompla jgħid li hawn il-liġi tipprovdi għal tliet possibilitajiet. Jekk il-Qorti tal-Appell tiċħad l-appell, is-sospensjoni tieqaf u l-iżvilupp ikun jista' jkompli. Jekk tilqa' l-appell, il-permess jiġi revokat u jekk tibgħat il-każ lura għand it-Tribunal tagħti wkoll direzzjoni ewlenija fuq il-punti ewlenin tal-kawża biex jiġu evitati rinviji u appelli oħrajn.

“Dan mhux pass kontra min għandu dritt jiżviluppa l-propjetà tiegħu, mhux pass kontra min japplika għal permess. Dan hu pass favur ir-regoli ċari, favur il-bilanċ, u favur il-fiduċja fis-sistema," sostna Dr Abela.

Il-Prim Ministru nnota wkoll kif waqt li l-permess ikun sospiż iż-żmien tiegħu ma jibqax applikabbli. Dr Abela qal li dan il-punt partikolari juri verament kemm il-Gvern irid isib bilanċ għax “ifisser li min kiseb permess ma għandux ikun penalizzat sempliċiment għax il-proċess tal-appell għadu għaddej."

Fl-istess waqt saħaq li l-liġi tagħmilha ċara li ma jistax jinħoloq dritt jew vantaġġ minn xogħol li jsir waqt il-perjodu ta' sospensjoni. Ksur ta' sospensjoni jista' jwassal għal sanzjonijiet u kull xogħol li jsir waqt il-perjodu ta' sospensjoni se jitqies kontra l-liġi, bil-konsegwenza ta' avviż ta' waqfien jew twettiq immedjat. Fejn isir dan il-ksur ma jinħariġx ċertifikat ta' konformità.

“Ridna niżguraw li l-qafas ikun wieħed serju u responsabbli. Għalhekk hemm salvagwardji. Hemm proċeduri aktar ċari. Hemm aktar ċarezza fin-notifiki. Hemm infurzar aktar b'saħħtu," spjega l-Prim Ministru.

Filwaqt li qal li llum stess il-Gvern se jkun qed jippreżenta t-titlu tal-liġi quddiem il-Parlament fl-ewwel qari, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li se jinfetaħ proċess ta' konsultazzjoni pubblika sat-Tlieta 18 ta' Awwissu. “Dan se nagħmluh biex nisimgħu mingħand iċ-ċittadini, l-NGOs, il-professjonisti, il-komunitajiet, u kull min għandu kontribut serju x'jagħti."

Id-dokument ta' konsultazzjoni huwa disponibbli online fuq facts.mt.

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li din ir-riforma ġejja wkoll wara diskussjoni wiesgħa ma' stakeholders u b'impenn politiku biex din ir-riforma tiskatta fl-ewwel mitt jum ta' Gvern ġdid. Irrimarka illi inqas minn xahrejn ilu l-poplu ta r-raba' mandat konsekuttiv lill-moviment politiku li jmexxi u li fil-manifest elettorali l-bżonn li titwettaq ir-riforma fl-appelli kien ċar. “Illum qed nagħtu sinjal qawwi li skattajna l-proċess biex din ir-riforma nwettquha. Kommessi li naslu biex b'din ir-riforma nagħmlu sistema tal-ippjanar aktar ġusta f'Malta u Għawdex dejjem isbaħ u aħjar."

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard sostna li din mhijiex riforma favur jew kontra l-iżvilupp.

“Hija riforma favur il-bilanċ, il-ġustizzja u l-governanza tajba. B'din ir-riforma qed niżguraw li l-appell ma jibqax biss dritt, iżda jkollu effett reali u prattiku, filwaqt li noħolqu sistema aktar effiċjenti, trasparenti u kredibbli, b'termini ċari u deċiżjonijiet f'waqthom."

Il-Ministru Attard kompla jgħid li din hija wkoll waħda mill-ewwel riformi ewlenin ta' din il-leġiżlatura u xhieda ċara “li l-impenji politiċi li ħadna mal-poplu qed nibdluhom f'azzjoni konkreta, billi npoġġu l-kwalità tal-ħajja, il-fiduċja pubblika u s-saltna tad-dritt fil-qalba tas-sistema tal-ippjanar."

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Jiskatta l-proċess biex tidħol ir-Riforma tal-Appelli – Ġustizzja fl-Ippjanar
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow