Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Investiment li jsaħħaħ spazju komunitarju għall-familji u r-residenti ta’ Ħaż-Żebbuġ

PR261217
Date Icon 20/07/2026

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia żaret il-Każin San Ġużepp u Banda De Rohan f'Ħaż-Żebbuġ, fejn ġie inawgurat il-proġett ta' tisħiħ tas-sala prinċipali tal-każin, li twettaq permezz tal-iskema Voluntary Organisations Project Scheme (VOPS) amministrata mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS).

Permezz ta' investiment ta' kważi €15,000, is-sala prinċipali tal-każin ġiet modernizzata b'installazzjoni ta' soqfa ġodda, sistema ġdida ta' dawl, sistema awdjoviżiva moderna, xogħlijiet ta' tibjid u siġġijiet ġodda. Dawn l-interventi tejbu kemm il-funzjonalità kif ukoll il-kumdità ta' spazju li jintuża kuljum minn membri tal-komunità ta' kull età.

Din is-sala hija ċ-ċentru tal-attivitajiet tal-każin u tilqa' fiha firxa wiesgħa ta' inizjattivi, fosthom programmi għat-tfal, attivitajiet mużikali, kunċerti, taħditiet, provi tal-banda u attivitajiet kulturali oħra. Barra minn hekk, isservi bħala spazju ta' preparazzjoni għal avvenimenti kulturali akbar organizzati flimkien mal-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ, filwaqt li hija wkoll essenzjali għall-attivitajiet ta' ġbir ta' fondi tal-għaqda.

Waqt iż-żjara, il-Ministru Julia Farrugia sostniet kif dawn il-proġetti juru kif l-investiment fil-volontarjat huwa investiment dirett fil-komunitajiet Maltin u Għawdxin. “Il-każini tal-banda huma ħafna aktar minn binjiet. Huma ċentri ħajjin li jżommu ħajja l-identità, il-kultura u l-għaqda fil-lokalitajiet tagħna. Meta ninvestu f'dawn l-għaqdiet volontarji, inkunu qed ninvestu fin-nies, fil-parteċipazzjoni attiva u fil-wirt kulturali tagħna. Il-Gvern se jkompli jsaħħaħ l-appoġġ tiegħu lejn is-settur volontarju sabiex dawn l-organizzazzjonijiet ikollhom il-mezzi meħtieġa biex ikomplu jservu lill-komunitajiet tagħna b'mod sostenibbli."


Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Mauro Pace Parascandalo, qal “Huwa dejjem ta' sodisfazzjon li naraw proġetti bil-fondi differenti tal-Kunsill jieħdu l-ħajja għall-benefiċċju tal-komunitajiet differenti. Nawguraw lill-għaqda kull suċċess fix-xogħol tagħha, kemm illum li qed titnieda din is-sala, u ħidma sfieqa matul is-sena kollha."

Il-President tal-Każin San Ġużepp u Banda De Rohan, Frankie Borg, spjega kif dan il-proġett sar bil-għan li s-sala prinċipali tiġi mmodernizzata u ssir aktar funzjonali għall-attivitajiet tal-każin u tal-komunità. “Inħasset il-ħtieġa li dan l-ispazju jiġi aġġornat biex joffri ambjent aktar komdu u adattat għall-ħtiġijiet tal-lum. Nirringrazzjaw lill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat għall-appoġġ kontinwu permezz ta' fondi li jgħinu lill-għaqdiet volontarji jsaħħu l-faċilitajiet tagħhom," temm jgħid Frankie Borg. 

Il-kaxxier u l-mexxej tal-proġett tal-Każin San Ġużepp u Banda De Rohan, Edward Mintoff, spjega kif il-proġett serva biex is-sala prinċipali tiġi mmodernizzata u adattata aħjar għall-ħtiġijiet tal-komunità. “Permezz ta' dan il-proġett ġew aġġornati s-sistema elettrika, is-soqfa, is-sistema awdjoviżiva, id-dawl u l-finituri tas-sala, filwaqt li ġew installati pannelli biex l-ispazju jkun aktar versatili u adattati għall-attivitajiet soċjali u sensorjali li norganizzaw matul is-sena. Dan seta' jsir grazzi għall-fondi pprovduti permezz tal-iskema VOPS amministrata mill-MCVS", temm jgħid Edward Mintoff.

Ritratti: MIV

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Investiment li jsaħħaħ spazju komunitarju għall-familji u r-residenti ta’ Ħaż-Żebbuġ
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Investiment li jsaħħaħ spazju komunitarju għall-familji u r-residenti ta’ Ħaż-Żebbuġ
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Investiment li jsaħħaħ spazju komunitarju għall-familji u r-residenti ta’ Ħaż-Żebbuġ
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Investiment li jsaħħaħ spazju komunitarju għall-familji u r-residenti ta’ Ħaż-Żebbuġ
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow