Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Malta tikseb riżultati importanti fil-proposta riveduta tal-ETS tal-Unjoni Ewropea wara ħidma kontinwa tal-Gvern

PR261214
Date Icon 17/07/2026

Il-Gvern jilqa’ protezzjoni aktar b’saħħitha għall-Malta Freeport, protezzjoni kontinwa għall-konnettività bl-ajru u rikonoxximent tar-realtajiet tal-istati gżejjer

Il-Gvern huwa sodisfatt bil-proposta riveduta tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Emissions Trading System (ETS), li tinkorpora għadd ta’ prijoritajiet ewlenin li resqet Malta. Fosthom hemm protezzjoni aktar b’saħħitha għal Malta Freeport, protezzjoni kontinwa għall-konnettività bl-ajru ta’ pajjiżna u ż-żamma ta’ appoġġ dedikat għall-istati membri li huma gżejjer.

Il-proposta għar-reviżjoni tirrifletti diversi rakkomandazzjonijiet li l-Gvern ilu jressaq b’mod konsistenti tul dawn l-aħħar snin, sa minn meta daħlet fis-seħħ is-sistema attwali. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jagħrfu r-realtajiet partikolari tal-istati gżejjer li l-ekonomija tagħhom tiddependi ħafna fuq it-trasport bil-baħar u bl-ajru.

L-ETS hija s-sistema tal-Unjoni Ewropea li tpoġġi prezz fuq l-emissjonijiet tal-karbonju fis-setturi tal-marittimu, tal-avjazzjoni u oħrajn. Filwaqt li l-għan tagħha huwa li tnaqqas l-emissjonijiet madwar l-Ewropa, huwa importanti li l-implimentazzjoni tagħha ma toħloqx żvantaġġ għall-istati membri li huma gżejjer sempliċiment minħabba r-realtà ġeografika tagħhom.

Dawn ir-riżultati huma frott ħidma kontinwa tal-Gvern fuq livell Ewropew, sostnuta minn konsultazzjoni regolari mas-settur privat Malti. Il-Gvern ħadem mill-qrib man-negozji, mar-rappreżentanti tal-industrija u mal-operaturi biex jifhem l-isfidi li jiffaċċjaw kuljum u jiżgura li l-pożizzjoni ta’ Malta tkun ibbażata fuq fatti, esperjenza prattika u r-realtajiet ekonomiċi ta’ pajjiżna.

Bis-saħħa ta’ din il-ħidma, Malta tilqa’ b’sodisfazzjon għadd ta’ titjib importanti li l-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi għas-sistema attwali.

Skont il-proposta riveduta, operazzjonijiet ta’ transhipment li jinvolvu merkanzija li tasal minn portijiet barra l-Unjoni Ewropea u li mhijiex destinata għas-suq Ewropew mhux se jibqgħu soġġetti għall-ħlasijiet tal-ETS. Dan huwa riżultat importanti għal Malta Freeport, li jkompli jsaħħaħ il-kompetittività tiegħu fil-konfront ta’ ċentri oħra ta’ transhipment barra mill-Unjoni Ewropea.

Il-klawżola dwar il-portijiet fil-viċin ġiet estiża wkoll biex tkopri l-portijiet kollha kompetituri fl-Afrika ta’ Fuq. Dan jagħlaq lakuna li kienet tħeġġeġ lill-operaturi marittimi jagħmlu waqfa f’port barra mill-Unjoni Ewropea biss biex inaqqsu l-ispejjeż relatati mal-ETS qabel jidħlu f’port Ewropew.

Il-Gvern jilqa’ wkoll il-proposta li tinżamm allokazzjoni dedikata mid-dħul tal-ETS għal Malta, Ċipru u l-Greċja sal-2038.

Fis-settur tal-avjazzjoni, is-sospensjoni temporanja tal-ħlas sħiħ tal-ETS fuq titjiriet li jitilqu minn Malta se tibqa’ fis-seħħ sal-2032. Dan se jgħin biex tiġi protetta l-konnettività ta’ pajjiżna filwaqt li jiġu limitati spejjeż addizzjonali għal-linji tal-ajru, għan-negozji u għall-passiġġieri.

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli laqgħet il-proposta riveduta u qalet li din turi kif Malta tista’ tikseb riżultati konkreti meta tgħaqqad l-ambizzjoni klimatika ma’ ħarsien b’saħħtu tal-interess nazzjonali. “L-azzjoni favur il-klima trid tkun waħda ġusta. L-istati gżejjer ma jistgħux jispiċċaw iġorru piż sproporzjonat sempliċiment minħabba l-ġeografija tagħhom. Matul il-ħidma intensiva li Malta wettqet mal-Kummissjoni Ewropea qabel tressqet din il-proposta, sostnejna b’mod konsistenti li l-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa trid timxi id f’id mal-kompetittività, il-konnettività u l-ġustizzja. Ninsab sodisfatta li r-realtajiet ta’ Malta huma riflessi f’din ir-reviżjoni, li ġġib magħha titjib konkret biex tipproteġi l-kompetittività tas-setturi strateġiċi tagħna tat-tbaħħir u tal-avjazzjoni.”

“Inħarsu ’l quddiem għan-negozjati fil-Kunsill, fejn il-Gvern se jkompli jaħdem b’mod kostruttiv biex jinkiseb aktar appoġġ immirat għan-negozji u għaċ-ċittadini tagħna. L-impenn tagħna favur l-azzjoni klimatika jibqa’ sod, iżda t-tranżizzjoni trid tkun waħda realistika, ġusta u li ma tħalli l-ebda stat gżira lura,” żiedet il-Ministru Dalli. 

Il-Gvern iżomm il-pożizzjoni tiegħu li mekkaniżmi li jgħaddu direttament l-ispejjeż relatati mal-ETS fuq in-negozji u l-konsumaturi għandhom ikomplu jqisu ċ-ċirkostanzi partikolari tal-istati membri li huma gżejjer. Bħala pajjiż gżira li m’għandux mezzi alternattivi għat-trasport ta’ persuni u merkanzija, Malta se tkompli taħdem favur soluzzjonijiet li jipproteġu l-konnettività, isaħħu l-kompetittività tal-ekonomija u jgħinu biex l-ispejjeż jibqgħu raġonevoli, filwaqt li jkomplu jikkontribwixxu għall-miri klimatiċi tal-Ewropa.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow