Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MIS-SOVRINTENDENZA TAS-SAĦĦA PUBBLIKA Miżuri ta’ prekawzjoni għas-saħħa minħabba t-temperaturi għoljin

PR261210
Date Icon 17/07/2026

It-temperaturi mistennija jiżdiedu b’mod sinifikanti matul il-jiem li ġejjin, hekk kif l-Uffiċċju Meteoroloġiku ta’ Malta ħareġ twissijiet ta’ mewġa ta’ sħana; il-pubbliku huwa mħeġġeġ jieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa biex jipproteġi saħħtu matul din is-sħana qawwija.

L-Awtoritajiet tas-Saħħa eskalaw il-Pjan ta’ Azzjoni għas-Saħħa waqt Mewġa ta’ Sħana bħala rispons għall-mewġa ta’ sħana prevista sabiex iħejju għall-effetti possibbli fuq is-saħħa. Qed jiġu attivati cooling centres f’diversi lokalitajiet biex jappoġġjaw persuni vulnerabbli li jista’ ma jkollhomx aċċess għal faċilitajiet adegwati sabiex iżommu d-dar friska.

l-Awtoritajiet tas-Saħħa jixtiequ javżaw lill-pubbliku dwar l-importanza li jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa sabiex wieħed jibqa’ f’saħħtu u jevita konsegwenzi negattivi kkawżati mis-sħana. Huwa importanti li wieħed jibqa’ idratat (hydrated) sew matul il-ġranet sħan tas-sajf.

Temperaturi għoljin iwasslu biex il-ġisem jitlef l-ilma b’rata mgħaġġla, u dan jista’ jwassal għal deidrazzjoni. Wieħed għandu joqgħod attent għal sinjali ta’ deidrazzjoni bħal għatx eċċessiv, ħalq niexef, awrina skura, u awrina inqas frekwenti u f’ammonti żgħar. Temperaturi għoljin jistgħu wkoll iwasslu għal għeja kkawżata mis-sħana (heat exhaustion) jew puplesija tas-sħana (heat stroke). L-għeja kkawżata mis-sħana tirriżulta minn telf ta’ ilma u melħ permezz tal-għaraq. Sintomi komuni jinkludu sensazzjoni ta’ dgħufija, ħass ħażin jew nawżea, uġigħ ta’ ras, sturdament, rimettar, bugħawwieġ fil-muskoli, għaraq qawwi u għatx intens. Għal parir mediku ċemplu 21231231.

Il-puplesija tas-sħana sseħħ meta l-ġisem ma jibqax kapaċi jkessaħ lilu nnifsu u t-temperatura tal-ġisem titla’ għal livelli perikolużi. Din hija inqas komuni iżda aktar serja. Sintomi jinkludu temperatura għolja tal-ġisem, konfużjoni, sturdament, aċċessjonijiet (seizures) u telf tas-sensi. Il-puplesija tas-sħana tista’ tikkawża ħsara serja lill-ġisem u saħansitra twassal għall-mewt. F’każ ta’ emerġenza ċemplu 112.

Is-sħana tista’ taffettwa lil kulħadd, iżda xi persuni huma aktar vulnerabbli għal effetti serji, inklużi: persuni anzjani, speċjalment dawk li għandhom aktar minn 75 sena; trabi u tfal żgħar; persuni b’kundizzjonijiet kroniċi bħall-mard tal-kliewi, mard respiratorju jew mard tal-qalb; persuni bi problemi ta’ saħħa mentali; persuni li jaħdmu barra; persuni li qed jieħdu ċerti mediċini bħal-Lithium.

Biex tevita l-effetti tal-mewġa ta’ sħana huwa importanti li: 

1. Tevita li toħroġ matul l-iktar sigħat sħan tal-ġurnata, ġeneralment bejn il-11:00 ta’ filgħodu u l-4:00 ta’ waranofsinhar. 

2. Tibqa’ frisk billi tqatta’ l-ħin fl-iktar partijiet friski tad-dar jew tal-post tax-xogħol. 

3. Tagħlaq il-purtieri fi kmamar li jkunu esposti għax-xemx biex iżżomm l-ispazji ta’ ġewwa aktar friski. 

4. Tixrob ħafna ilma biex tissostitwixxi l-fluwidi mitlufa permezz tal-għaraq u tiekol aktar ikel kiesaħ bħall-insalati. 

5. Tevita xorb li jnixxef il-ġisem. L-alkoħol, il-kafè, it-te u xarbiet oħra li fihom il-kafeina jistgħu jaggravaw is-sitwazzjoni.

6. Tilbes ħwejjeġ ħfief u komdi. 

7. Tevita attività fiżika intensa fil-ħinijiet l-aktar sħan tal-ġurnata. Jekk possibbli, agħżel attività fiżika ġewwa jew agħmilha filgħodu kmieni meta jkun iktar frisk.

8. Timxi fid-dell, tuża krema protettiva mix-xemx u tilbes kappell jekk ikollok bżonn toħroġ fis-sħana. 

9. Qatt ma tħalli lil xi ħadd f’vettura magħluqa u pparkjata, speċjalment trabi, tfal żgħar jew annimali. 

10. Toqgħod f’kamra bl-arja kkundizzjonata fejn ikun possibbli.

11. Tfittex parir mediku jekk ikollok xi tħassib dwar saħħtek.

L-Awtoritajiet tas-Saħħa qed iħeġġu lill-pubbliku biex jieħu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jipproteġi lilu nnifsu mill-effetti tas-sħana. Għal parir dwar is-saħħa ċemplu 21231231, jew 112 f’każ ta’ emerġenza bħall-puplesija tas-sħana.

Huwa wkoll rakkomandat li wieħed jiċċekkja regolarment qraba, ġirien u ħbieb anzjani, speċjalment jekk jgħixu waħedhom, u jiżgura li jkunu jistgħu jibqgħu friski matul dawn it-temperaturi għoljin.

Attenzjoni waqt ivvjaġġar barra minn Malta

Dan is-sajf it-temperaturi telgħu għal livelli għoljin ħafna madwar l-Ewropa. Jekk toħroġ matul il-ġurnata ġorr flixkun tal-ilma li jista’ jerġa’ jimtela u ixrob minnu ta’ spiss, anke jekk ma tħossx għatx. Kul diversi ikliet żgħar matul il-ġurnata minflok ikliet kbar, u agħżel frott u insalati. Żur l-attrazzjonijiet turistiċi filgħodu kmieni jew filgħaxija meta jkun iktar frisk. Iċċekkja l-mediċini li qed tieħdu u segwu l-pariri relatati mal-użu tagħhom f’temperaturi għoljin.

Għal aktar informazzjoni, segwi l-paġna ta’ Facebook HPDPMalta jew żur beattheheat.gov.mt

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow