Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Sostnut proġett li jippromwovi l-inklużjoni minn età żgħira permezz tal-iskema Komunitajiet Aktar Inklussivi

pr261203
Date Icon 17/07/2026


Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, żaret il-Każin San Ġużepp Banda De Rohan f'Ħaż-Żebbuġ, fejn ġie ppreżentat il-proġett “Flimkien għall-Festa Tagħna", inizjattiva li twettqet permezz tal-Iskema Komunitajiet Aktar Inklussivi, li permezz tagħha ngħata finanzjament ta' madwar €6,270.


Dan il-proġett wassal għall-ħolqien ta' żewġ pubblikazzjonijiet u kartun animat għat-tfal li, permezz ta' storja bbażata fuq ġrajja vera, jippromwovi l-valuri tal-ħbiberija, l-inklużjoni, il-parteċipazzjoni fil-komunità u l-apprezzament tal-wirt kulturali Malti. L-istorja tirrakkonta l-esperjenzi ta' tlett itfal li huma membri attivi tal-Każin San Ġużepp Banda De Rohan u li, minkejja li kull wieħed minnhom jgħix b'diżabilità, jagħtu sehemhom fil-ħajja tal-każin u dejjem jappoġġjaw lil xulxin. Permezz tal-esperjenzi tagħhom, ktieb iwassal il-messaġġ li l-ħbiberija, il-kuraġġ u l-għaqda jistgħu jegħlbu kull sfida, filwaqt li juri li kull persuna għandha xi ħaġa unika x'toffri lill-komunità.

Il-pubblikazzjoni saret f'verżjoni stampata kif ukoll bil-Braille, sabiex ikun aċċessibbli wkoll għal tfal b'diżabbiltà viżiva, filwaqt li nħoloq kartun animat biex il-messaġġ tiegħu jilħaq udjenza usa' b'mod modern u interattiv.

Il-produzzjoni tal-verżjoni bil-Braille saret b'kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni għall-Aċċessibbiltà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni (FITA). Il-protagonisti tal-istorja huma tlett itfal reali — Matthias Camilleri, May Camilleri u Valentina Grixti — li huma membri tal-Każin San Ġużepp Banda De Rohan u li taw ispirazzjoni lill-istorja permezz tal-esperjenzi tagħhom. Huma kienu involuti wkoll fil-produzzjoni tal-kartun animat u fir-recordings, u b'hekk taw ħajja lill-karattri li jirrappreżentawhom.

Waqt iż-żjara, il-Ministru Julia Farrugia qalet li dan il-proġett juri kif il-volontarjat u l-għaqdiet lokali jistgħu jkunu forza pożittiva biex tinbena soċjetà aktar inklussiva. “Huwa permezz ta' inizjattivi bħal dawn li nkunu qed nibnu kultura ta' rispett, parteċipazzjoni u opportunitajiet indaqs sa minn età żgħira. L-inklużjoni ma tfissirx biss li noħolqu servizzi aċċessibbli, iżda wkoll li niżguraw li kull tifel u tifla jkunu jistgħu jieħdu sehem bis-sħiħ fil-ħajja kulturali u soċjali ta' pajjiżna," qalet il-Ministru. 

Il-Ministru Farrugia żiedet li l-Gvern se jkompli jinvesti fi skemi li jagħtu l-għodda lill-għaqdiet volontarji sabiex jiżviluppaw proġetti li jħallu impatt konkret fil-komunitajiet u jsaħħu l-valuri tal-inklużjoni, l-aċċessibbiltà u l-parteċipazzjoni attiva tal-persuni b'diżabilità.

Min-naħa tagħha, l-Assistent Segretarju tal-Każin San Ġużepp Banda De Rohan, Donnaliza Camilleri, spjegat li l-idea wara “Flimkien għall-Festa Tagħna" twieldet mill-esperjenza tal-volontarjat u mir-realtà li ħafna drabi l-għaqdiet isibu diffikultà biex jattiraw ġenerazzjonijiet ġodda ta' voluntiera. Hija rrakkuntat kif, wara li tkellmet ma' diversi studenti u ndunat li ħafna minnhom ma kinux involuti f'xi għaqda, ħasset il-ħtieġa li toħloq storja li tispira lit-tfal jipparteċipaw fil-komunità tagħhom. Għalhekk inħolqot storja bbażata fuq tfal reali b'abbiltajiet differenti li, minkejja l-isfidi tagħhom, jagħtu sehemhom fis-soċjetà u juru li kulħadd għandu xi ħaġa siewja x'joffri. It-tfal stess kienu involuti fil-produzzjoni tal-ktieb u tal-kartun animat, inkluż fir-recordings, filwaqt li l-pubblikazzjoni bil-braille kienet ispirata wkoll mill-esperjenza tagħha ta' ħidma ma' tfal neqsin mid-dawl. “Din l-istorja tfakkarna li meta naħdmu flimkien u nagħrfu l-potenzjal ta' kull persuna, nistgħu nibnu komunità u soċjetà aħjar għal kulħadd," temmet tgħid Camilleri. 

Matul l-attività, il-Każin San Ġużepp Banda De Rohan ippreżenta lill-Ministru kopji tal-ktieb, fosthom żewġ edizzjonijiet bil-braille li se jitqassmu lit-tfal sabiex aktar tfal ikollhom l-opportunità jgawdu din l-esperjenza edukattiva u kulturali b'mod inklussiv. Kopja ngħatat ukoll lill-librerija pubblika ta' Ħaż-Żebbuġ.

L-iskema Komunitajiet Aktar Inklussivi tkompli tappoġġja proġetti li jsaħħu l-komunitajiet permezz tal-inklużjoni, filwaqt li tħeġġeġ kollaborazzjoni bejn l-għaqdiet volontarji u entitajiet oħra biex jinħolqu inizjattivi li jagħmlu differenza pożittiva fis-soċjetà.

Ritratti: MIV

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Sostnut proġett li jippromwovi l-inklużjoni minn età żgħira permezz tal-iskema Komunitajiet Aktar Inklussivi
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Sostnut proġett li jippromwovi l-inklużjoni minn età żgħira permezz tal-iskema Komunitajiet Aktar Inklussivi
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Sostnut proġett li jippromwovi l-inklużjoni minn età żgħira permezz tal-iskema Komunitajiet Aktar Inklussivi
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow