STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Inawgurat proġett ta’ manutenzjoni u tisħiħ tas-sigurtà fis-sede tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp fil-Kalkara
Ġie inawgurat proġett ta' manutenzjoni estensiva u ta' tisħiħ tas-sigurtà fuq il-bejt tas-sede tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp fil-Kalkara. Dan il-proġett, li twettaq b'investiment li l-parti l-kbira tiegħu kien iffinanzjat mill-Fondazzjoni Kottonera, indirizza diversi interventi meħtieġa sabiex jiġu eliminati problemi ta' dħul tal-ilma, jissaħħu l-istandards tas-sigurtà u tiġi ppreservata l-binja għal ġenerazzjonijiet futuri.
Il-proġett ġie inawgurat matul il-ġimgħa li fiha l-Kalkara qed tiċċelebra l-festa titulari ta' San Ġużepp. Għall-inawgurazzjoni attendew il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, flimkien maċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Kottonera Joe Mizzi u l-President tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp, Josef Vella.
Il-Ministru Alison Zerafa Civelli qalet li l-Gvern se jkompli jinvesti fi proġetti li jsaħħu l-infrastruttura tal-għaqdiet volontarji u jħarsu l-patrimonju lokali. “Meta ninvestu fil-każini u fis-soċjetajiet mużikali, inkunu qed ninvestu fil-qalba tal-komunitajiet tagħna u fil-ħidma volontarja li żżomm ħajjin it-tradizzjonijiet u l-identità tal-irħula u l-ibliet tagħna," qalet il-Ministru. Hija żiedet li dan il-proġett huwa eżempju ċar ta' kif il-kollaborazzjoni bejn il-Gvern, il-Fondazzjoni Kottonera u l-għaqdiet volontarji twassal għal riżultati konkreti li jibbenefikaw lill-komunità kollha.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Kottonera, Joe Mizzi, qal li l-Fondazzjoni tibqa' impenjata li tappoġġja proġetti li jsaħħu l-infrastruttura tal-għaqdiet volontarji u jippreservaw il-patrimonju lokali. Huwa saħaq li investimenti bħal dan mhux biss itejbu l-faċilitajiet tal-għaqdiet, iżda jkomplu jsaħħu r-rwol tagħhom bħala ċentri ta' ħajja komunitarja u kulturali fil-Kottonera.
Il-President tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp, Josef Vella spjega li l-proġett kien jinkludi interventi estensivi fuq il-bejt tas-sede, li kienu meħtieġa wara li interventi li saru tul is-snin ma kinux solvew il-problemi b'mod permanenti. Fost ix-xogħlijiet li twettqu kien hemm it-tneħħija tas-saff eżistenti, l-applikazzjoni ta' membrane ġdida kontra d-dħul tal-ilma u t-tqegħid ta' madum ġdid, sabiex il-bejt ikun aktar reżistenti u adattat għall-użu.
Il-proġett kien jinkludi wkoll interventi biex jittejbu s-sigurtà u l-funzjonalità tal-bejt, fosthom installazzjoni ġdida tal-elettriku, dawl permanenti u puġġaman fit-taraġ. Saru wkoll xogħlijiet ta' manutenzjoni fuq l-appoġġi tal-binja u fit-tromba tat-taraġ, sabiex jiġu eliminati l-problemi ta' dħul ta' ilma u jiġu rranġati l-ħsarat li kienu kkawżati mill-umdità.
Parti mix-xogħol, fosthom l-installazzjoni tal-elettriku fuq il-bejt, twettqet b'mod volontarju minn membri tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp, xhieda tal-impenn kontinwu tagħhom biex jippreservaw u jsaħħu s-sede tas-soċjetà għall-ġid tal-komunità Kalkariża.
Other Press Releases:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922