Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR

PR261194
Date Icon 15/07/2026

Jibda x-xogħol tat-tħaffir taħt l-art sabiex it-tieni interconnector tal-elettriku jgħaddi mill-art għal taħt il-baħar

•Bdew ix-xogħlijiet tal-horizontal directional drilling (HDD) f’Malta, sabiex jinħoloq passaġġ taħt l-art fil-forma ta’ mina li se tgħaqqad il-parti minn fejn se jitpoġġa l-cable fuq l-art ma’ taħt il-baħar

•Aktar tard din is-sena se jsir l-istess proċess fi Sqallija, filwaqt li x-xogħlijiet relatati mal-parti fuq l-art u taħt il-baħar qed jiġu kkoordinati 

Bdew ix-xogħlijiet taħt il-baħar tat-tieni interconnector, hekk kif il-kumpanija Norveġiża Nexans bdiet twettaq ix-xogħlijiet tal-horizontal directional drilling (HDD) f’pajjiżna. 

Din il-fażi importanti se toħloq il-konnessjoni taħt l-art fil-forma ta’ mina biex tgħaqqad il-parti fuq l-art ma’ dik ta’ taħt il-baħar tal-proġett, biex il-cable jkun jista’ jgħaddi mill-art għal taħt il-baħar mingħajr ma jħalli impatt fuq il-kosta.

“Dan il-proġett jinvolvi l-manifattura ta’ cable speċjalizzat u jinvolvi firxa wiesgħa ta’ xogħlijiet u attivitajiet kumplessi ta’ inġinerija, ippjanar metikoluż u koordinazzjoni kontinwa bejn diversi entitajiet. Dan kollu huwa kruċjali għat-twettiq tal-proġett fit-totalità tiegħu sabiex nibqgħu naħdmu fuq din l-infrastruttura ta’ importanza nazzjonali,” qalet il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli. 

“Il-bini tat-tieni Interconnector, proġett ta’ madwar €300 miljun mill-ERDF, huwa meqjus bħala wieħed importanti ħafna, ta’ impatt strateġiku fuq il-gżejjer Maltin li  se jagħti sigurtà fejn tidħol il-provvista tal-enerġija, kif ukoll se jżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli, biex il-familji u n-negozji Maltin jibqgħu jgawdu minn kontijiet affordabbli,” saħaq il-Ministru għall-Fondi Ewropej Keith Azzopardi Tanti.

Il-horizontal directional drilling (HDD) hija teknoloġija speċjalizzata li tippermetti li jsir tħaffir ikkontrollat taħt l-art f’dak il-każ minn tarf fuq l-art sa tarf ieħor taħt il-baħar. Dan il-metodu jelimina l-ħtieġa ta’ skavar u trinek fiż-żona tax-xatt tal-kosta u jiżgura li l-cable jgħaddi b’mod sigur u protett bejn l-art u l-baħar.

Aktar tard din is-sena, l-istess proċess se jitwettaq ukoll fi Sqallija. Dawn l-iżviluppi eventwalment se jiffurmaw il-punt ta’ konnessjoni tal-parti ta’ fuq l-art ma’ dik ta’ taħt il-baħar u se jippermettu li xogħlijiet marbuta maż-żewġ kuntratti tal-proġett jingħaqdu flimkien. Dawn ix-xogħlijiet qed jiġu kkoordinati b’reqqa minn Interconnect Malta flimkien mal-konsulenti tekniċi tagħha, Rina Consulting S.p.A., b’kollaborazzjoni sħiħa bejn il-partijiet kollha involuti.

Proċess bħal dan jirrikjedi ħidma estensiva ta’ ppjanar, disinn ta’ inġinerija u tħejjija teknika. Il-kundizzjonijiet ġeoloġiċi jiġu kkonfermati waqt il-proċess tat-tħaffir. Karatteristiċi naturali bħat-tipoloġija u xquq fil-blat jew bidliet fil-formazzjoni ġeoloġika jistgħu joħolqu sfidi tekniċi li jeħtieġu monitoraġġ kontinwu u livell għoli ta’ kompetenza.

Ladarba jitlestew ix-xogħlijiet tal-HDD kemm f’Malta kif ukoll fi Sqallija, ikun jista’ jibda t-tqegħid tal-cable taħt il-baħar, li huwa ppjanat li jibda minn Malta fid-direzzjoni lejn l-Italja. Fiż-żewġt itruf, il-cable ta’ taħt il-baħar imbagħad jingħaqad mal-cable fuq l-art permezz ta’ transition joint li jitwettaq minn tekniċi speċjalizzati.

“Wieħed mill-aktar aspetti notevoli ta’ dan il-proġett huwa li, minkejja d-daqs u l-kumplessità tiegħu, l-infrastruttura li qed tinbena se tibqa’ kważi kollha ma tidhirx. It-teknoloġija tal-lum tippermetti li jitwettqu proġetti infrastrutturali fuq skala kbira b’impatt minimu fuq il-pajsaġġ u l-ambjent. Madankollu, dan jirrikjedi studji estensivi, koordinazzjoni effettiva, ippjanar dettaljat u implimentazzjoni bir-reqqa,” spjega l-Maniġer ta’ Interconnect Malta, il-Perit Reuben Sammut.

Meta jitlesta, il-proġett tat-tieni konnessjoni tal-elettriku bejn Malta u Sqallija se jirdoppja l-kapaċità ta’ Malta li tkun konnessa man-netwerk Ewropew tal-elettriku. Fl-istess ħin, se jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku u jiffaċilita integrazzjoni akbar tal-enerġija rinnovabbli fis-sistema elettrika tal-pajjiż.

Dan l-investiment ta’ €300 miljun ġie approvat għall-finanzjament mill-ERDF taħt il-prijorità “Promozzjoni tat-tranżizzjoni enerġetika nadifa u ġusta”, u jikkontribwixxi direttament għal sistemi enerġetiċi intelliġenti u stabbli. Il-proġett ġie rikonoxxut bħala “Operazzjoni ta’ Importanza Strateġika” fil-Programm 2021–2027. L-ammont tal-finanzjament Ewropew allokat hu ta’ €261 miljun.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow