STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Klassijiet ta’ reviżjoni għall-istudenti bi preparazzjoni għar-resits ta’ Settembru tas-SEC u l-O Levels
Għat-13-il sena konsekuttiva, reġgħu nfetħu l-applikazzjonijiet għall-Klassijiet ta' Reviżjoni tas-SEC bla ħlas, organizzati permezz tal-proġett Youth Guarantee u kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Fond Soċjali Ewropew Plus. Dawn il-klassijiet huma mmirati lejn studenti li se jkunu qed jagħmlu r-resits fil-Bijoloġija, l-Ingliż, il-Malti, il-Matematika u l-Fiżika f'Settembru li ġej.
Sa mill-bidu tagħhom fl-2014, il-Klassijiet Preventivi tas-SEC għenu aktar minn 6600 student u taw riżultati pożittivi sena wara sena. Permezz ta' dan l-investiment, l-istudenti qed jingħataw sapport akkademiku u inkoraġġiment biex ikomplu bl-esperjenza edukattiva tagħhom.
Il-Ministru Jonathan Attard iddeskriva dawn il-klassijiet bħala eżempju konkret ta' kif qed inkomplu ninvestu fiż-żgħażagħ billi noffrulhom l-appoġġ meħtieġ biex jilħqu l-potenzjal tagħhom.
“Aħna nemmnu li riżultat wieħed ma jiddefinixxix il-potenzjal ta' student. Għalhekk nibqgħu ninvestu f'inizjattivi li joffru t-tieni ċans, b'appoġġ konkret li jgħin aktar żgħażagħ jilħqu l-miri edukattivi tagħhom u jkomplu javvanzaw," sostna l-Ministru Attard.
Il-klassijiet se jibdew fit-22 ta' Lulju u jibqgħu għaddejjin għal 5 ġimgħat. Studenti ta' bejn il-15 u d-29 sena li ma laħqux il-Livell 3, li ġabu “U", jew li ġew immarkati bħala assenti f'xi wieħed mill-ħames suġġetti msemmija hawn fuq fis-sessjoni ta' Mejju 2026 huma eliġibbli biex japplikaw għal dawn il-klassijiet.
L-istudenti jistgħu jattendu dawn il-klassijiet f'wieħed miċ-ċentri; MCAST Mosta, Msida Life Long Learning Centre, MCAST Raħal Ġdid, u Gozo College, ir-Rabat (Għawdex), u jistgħu jagħżlu li jattendu sa massimu ta' tliet suġġetti, inkluża għażla waħda minn suġġetti tax-xjenza (Bijoloġija jew Fiżika).
L-istudenti jistgħu japplikaw online billi jżuru www.jobsplus.gov.mt/revisionclasses. L-applikazzjonijiet jibqgħu miftuħa sas-17 ta' Lulju u applikazzjonijiet tard jintlaqgħu sal-24 ta' Lulju.
Għal aktar informazzjoni dwar il-Klassijiet ta' Reviżjoni tas-SEC taħt il-proġett Youth Guarantee, wieħed jista' jċempel fuq 79657711, jew iżur is-sit elettroniku jew il-paġna ta' Facebook – Youth Guarantee Malta.
Meta japplikaw għall-Klassijiet ta' Reviżjoni, l-istudenti mhumiex qed japplikaw awtomatikament għar-resits. Għalhekk, għandhom japplikaw għar-resits mal-MATSEC separatament.
Stqarrijiet Oħra:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922