Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Il-Bord tal-Eżamijiet MATSEC jippubblika r-riżultati tal-eżamijiet għall-2026

PR261190
Date Icon 15/07/2026

Il-Bord tal-Eżamijiet MATSEC ippubblika r-riżultati għas-sessjoni tal-2026. Madwar 4,148 kandidat irċevew ir-riżultati tal-Matrikola tagħhom, filwaqt li madwar 5,573 kandidat irċevew ir-riżultati tagħhom għall-eżamijiet taċ-Ċertifikat ta' Edukazzjoni Sekondarja (SEC).

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, feraħ lill-istudenti li kisbu s-suċċess mixtieq f'dawn l-eżamijiet. Filwaqt li kkummenta kif dan hu tragward importanti għamilha ċara li studenti li xtaqu jiksbu riżultati aħjar għandhom jagħmlu kuraġġ u se jkunu qed isibu l-appoġġ kollu mixtieq. “L-impenn tagħna jibqa' dak li noħolqu l-ambjent fejn l-istudenti joħorġu l-aqwa potenzjal u l-ħiliet kollha tagħhom," qal il-Ministru Camilleri.

Intant, din hija t-tieni sena fejn ir-riżultati jirriflettu l-bidliet li seħħew fil-livell tas-SEC. Bidliet li jkomplu jirriflettu l-impenn tal-Ministeru u tal-MATSEC li s-sistema ta' assessjar tkun waħda aktar inklussiva, diversifikata u addattata mal-ħtiġijiet edukattivi li qed jevolvu.

Il-mudell il-ġdid jinkludi assessjar ibbażat fuq School-Based Assessments (SBA) u l-eżami finali. L-SBA, jassessja lill-istudenti tul l-aħħar tliet snin tal-edukazzjoni sekondarja.

Il-kandidati kellhom l-għażla li jagħmlu l-eżamijiet fuq żewġ livelli: Livell 2–3 u Livell 1–2, maħsub biex jiċċertifika għarfien bażiku għal dawk li jkunu temmew is-sena skolastika. Fil-każ tal-Matematika, il-kandidati setgħu jagħżlu bejn il-Livell 3–3, Livell 2–3 u l-Livell 1–2. L-istruttura tal-livelli tikklassifika r-riżultati b'faxex ta' prestazzjoni, b'Livell 3 bħala l-ogħla livell. Il-Livell 3 jibqa' l-istandard meħtieġ biex wieħed jgħaddi għall-edukazzjoni postsekondarja bħal 6th form, il-livelli 1 u 2 jistgħu jintużaw biex wieħed ikompli l-perkors edukattiv tiegħu f'istituzzjonijiet postsekondarji oħra. Dan il-mudell ta' assessjar jippermetti wkoll li kandidati li ma jkunux kisbu l-grad meħtieġ fl-eżami finali xorta jkunu jistgħu jilħqu Livell 3 b'mod ġenerali jekk il-prestazzjoni tagħhom fl-SBA tkun biżżejjed biex tikkumpensa għar-riżultat tal-eżami.

F'suġġetti ewlenin bħall-Matematika, l-Ingliż u l-Malti, in-numru ta' kandidati li laħqu Livell 3 baqa' stabbli meta mqabbel mas-snin preċedenti. Is-suġġetti tal-Kimika, il-Computing, il-Ġeografija, u ż-Żfin, fost oħrajn, irreġistraw żieda fin-numru ta' studenti li kisbu kwalifika SEC fil-Livell 3.

Intant, il-Ministru Camilleri fakkar kif il-Gvern se jerġa' joffri s-sessjonijiet ta' reviżjoni bla ħlas matul is-sajf għal dawk li jixtiequ jtejbu l-marki tagħhom fis-sessjoni ta' Settembru. “Kelli ċ-ċans inżur dawn is-sessjonijiet fl-aħħar snin u naf li jagħmlu differenza u jħallu impatt mill-iktar pożittiv," qal il-Ministru Camilleri li radd ħajr bil-quddiem lil dawk kollha li jaħdmu fuq din l-inizjattiva.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow