Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Fl-ewwel mitt jum tal-leġiżlatura l-Ministru Rosianne Cutajar tressaq għat-Tieni Qari l-Abbozz ta’ Liġi li jwaqqaf il-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza

pr261187
Date Icon 14/07/2026

Il-Gvern wettaq wieħed mill-impenji ewlenin tal-programm elettorali tiegħu għall-ewwel mitt jum ta’ dan il-mandat hekk kif il-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili Rosianne Cutajar ressqet fil-Parlament għat-Tieni Qari l-Abbozz ta’ Liġi li jwaqqaf il-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza. Ir-riforma għandha l-għan li ssaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza permezz ta’ istituzzjoni moderna, indipendenti u b’setgħat aktar b’saħħithom, filwaqt li tkompli tibni fuq il-progress li pajjiżna għamel f’dan il-qasam tul is-snin.

Meta ppreżentat l-Abbozz, il-Ministru Rosianne Cutajar fakkret li l-ewwel Artikolu tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem jistabbilixxi li l-bnedmin kollha jitwieldu ħielsa u ugwali fid-dinjità u fid-drittijiet tagħhom. Hija qalet li l-valuri tal-libertà, l-ugwaljanza u r-rispett għad-dinjità tal-persuna huma frott ta’ lezzjonijiet storiċi li qatt m’għandhom jintesew u li Malta, permezz tar-ratifika ta’ diversi konvenzjonijiet internazzjonali u l-introduzzjoni ta’ diversi liġijiet, dejjem ħadmet sabiex kull persuna tkun tista’ tgħix ħajja ħielsa mid-diskriminazzjoni u mill-ksur tad-drittijiet tagħha.

Il-Ministru Rosianne Cutajar sostniet li t-twaqqif tal-Kummissjoni l-ġdida huwa xhieda tal-impenn tal-Gvern li jsarraf il-prinċipji f’azzjoni konkreta. Hija rrimarkat li d-deċiżjoni tal-Prim Ministru Robert Abela li jwaqqaf Ministeru ddedikat esklussivament għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili bagħtet messaġġ ċar li l-ugwaljanza u d-drittijiet tal-bniedem huma prijorità nazzjonali u li l-Gvern huwa determinat li jkompli jsaħħaħ il-qafas istituzzjonali li jipproteġihom.

Il-Ministru rrikonoxxiet il-kontribut importanti li tat il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) matul is-snin. Qalet li l-Kummissjoni wettqet ħidma siewja fil-promozzjoni tal-ugwaljanza u fl-appoġġ lil persuni li esperjenzaw diskriminazzjoni. Madankollu spjegat li s-soċjetà evolviet, il-mod kif in-nies jgħixu u jikkomunikaw inbidel, hemm sfidi ġodda u l-istandards Ewropej u internazzjonali komplew jiżviluppaw. Għaldaqstant, Malta għandha bżonn istituzzjoni aktar robusta, moderna u effettiva li tkun kapaċi twieġeb għal dawn ir-realtajiet.

L-Abbozz ta’ Liġi jipprevedi li, għall-ewwel darba, Malta jkollha istituzzjoni li tgħaqqad il-funzjonijiet ta’ Istituzzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem u ta’ Korp tal-Ugwaljanza. Il-Kummissjoni se topera skont il-Prinċipji ta’ Pariġi tan-Nazzjonijiet Uniti u l-aqwa standards Ewropej, u se twettaq il-funzjonijiet tagħha b’indipendenza, imparzjalità u awtonomija. Il-Kummissarju jinħatar b’riżoluzzjoni approvata b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati, filwaqt li l-membri tal-Kummissjoni jintgħażlu permezz ta’ proċess miftuħ u trasparenti.

Ir-riforma timmodernizza wkoll il-qafas legali kontra d-diskriminazzjoni. Fost il-bidliet ewlenin hemm ir-rikonoxximent tad-diskriminazzjoni intersezzjonali, il-vittimizzazzjoni, il-fastidju relatat ma’ kull karatteristika protetta, inkluż dak li jseħħ permezz tas-sistemi elettroniċi u l-media soċjali, kif ukoll il-projbizzjoni ta’ struzzjonijiet biex issir diskriminazzjoni. Il-lista tal-karatteristiċi protetti tiġi estiża wkoll sabiex il-liġi tkun tista’ tindirizza b’mod aktar effettiv ir-realtajiet tal-lum u tal-ġejjieni. 

L-Abbozz jestendi wkoll il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni fl-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi kemm fis-settur privat kif ukoll f’dak pubbliku. Dan ifisser li kull persuna għandha tkun tista’ taċċessa servizzi mingħajr diskriminazzjoni, filwaqt li trattament differenzjali jkun permess biss fejn ikun oġġettivament ġustifikat skont il-liġi.

Ir-riforma ssaħħaħ ukoll ir-rimedji għall-vittmi. Fl-istess waqt, il-Kummissarju se jkollu setgħat aktar estensivi biex jinvestiga lmenti, jibda investigazzjonijiet ex officio, joffri medjazzjoni, jassisti lill-vittmi u jippreżenta opinjonijiet esperti quddiem il-qrati u t-tribunali. 

Fost il-miżuri l-ġodda hemm ukoll id-‘Dmir ta’ Ugwaljanza’, li jimponi fuq l-Amministrazzjoni Pubblika obbligu mhux biss li ma tiddiskriminax, iżda wkoll li taħdem b’mod attiv biex telimina d-diskriminazzjoni u tippromwovi l-ugwaljanza. L-Abbozz jipprevedi rappreżentanza aktar bilanċjata fil-korpi maħtura mill-Gvern. L-amministrazzjoni pubblika għandha tieħu l-azzjonijiet pożittivi neċessarji, inkluż li kemm jista’ jkun tiżgura illi mill-anqas 40% tal-ħatriet ikunu nisa, u mill-anqas l-40% l-oħra jkunu rġiel. U fil-bqija fejn hu possibbli, għandha tiġi kkunisdrata r-rappreżentanza ta' ġeneri mhux binarji.

Il-Ministru Rosianne Cutajar qalet, “Bħala Gvern, nemmnu bis-sħiħ li d-dritt ta’ kull persuna li tgħix ħajja ħielsa mid-diskriminazzjoni mhuwiex sempliċiment prinċipju fuq il-karta, imma dritt infurzabbli. Dritt li jikkostitwixxi l-pedament u s-sisien ta’ soċjetà moderna, demokratika u tassew inklussiva. Għandna d-dmir li nħarsu u nippromwovu d-drittijiet fundamentali ta’ kulħadd.”

Il-Ministru żiedet li l-Abbozz jinkorpora wkoll fil-liġi Maltija l-Protokoll Nru 12 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, pass li jkompli jsaħħaħ il-qafas nazzjonali għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u jallinja lil Malta mal-ogħla standards internazzjonali.

Il-Ministru Rosianne Cutajar temmet l-intervent tagħha billi appellat lill-Kamra biex tappoġġja din ir-riforma, filwaqt li saħqet li l-Gvern se jkompli jinvesti fir-riżorsi, fil-mekkaniżmi u fl-istituzzjonijiet meħtieġa sabiex ikompli jibni Malta aktar ġusta, aktar ekwa u tassew ugwali għal kulħadd.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow