STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Restawrat is-salib storiku ta’ Santa Venera mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi
Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi temm b'suċċess xogħlijiet estensivi ta' restawr fuq is-salib storiku li jinsab f'Santa Venera, monument li għal aktar minn mitt sena kien u għadu jifforma parti mill-identità storika u kulturali tal-lokalità.
Ir-restawr ġie inawgurat mill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, flimkien mas-Sindku ta' Santa Venera, Gianluca Falzon, waqt ċerimonja li ċċelebrat it-tlestija ta' dan il-proġett ta' konservazzjoni u l-valur storiku tas-salib għall-komunità ta' Santa Venera.
Il-Ministru Alison Zerafa Civelli, qalet li dan il-proġett huwa xhieda tal-ħidma professjonali li jwettaq kuljum id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fil-komunitajiet madwar il-pajjiż.
“Huwa bis-saħħa tad-dedikazzjoni, il-ħila u l-impenn tal-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi li nistgħu nwettqu proġetti bħal dan, li mhux biss isebbħu l-lokalitajiet tagħna, iżda jħarsu wkoll il-patrimonju storiku u kulturali ta' pajjiżna. Dan ir-restawr f'Santa Venera huwa eżempju ċar ta' kif, permezz tal-ħidma tal-Gvern u l-kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali, qed inkomplu ninvestu fil-preservazzjoni tal-identità tal-komunitajiet tagħna għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta' għada," qalet il-Ministru Zerafa Civelli.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku ta' Santa Venera, Gianluca Falzon, irringrazzja lill-Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi u lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għall-kollaborazzjoni tagħhom mal-Kunsill Lokali. Huwa spjega li, wara li l-Kunsill innota li s-salib kien qed jiddeterjora, intalbet l-assistenza tad-Dipartiment, li wettaq assessjar dettaljat tal-kundizzjoni tiegħu u identifika l-interventi meħtieġa sabiex il-monument jiġi restawrat u ppreservat.
Dan is-salib kien oriġinarjament jinsab fil-pjazza l-antika ta' Santa Venera. Meta fl-1969 bdiet tinbena l-knisja l-ġdida, is-salib tpoġġa temporanjament fuq il-bejt tal-kripta tal-knisja sakemm tlesta l-bini. Wara li nbniet il-knisja, is-salib tqiegħed fil-post fejn jinsab illum, fi triq prinċipali tal-lokalità, fejn baqa' jservi bħala punt ta' referenza u landmark importanti għal Santa Venera.
Matul is-snin, dan is-salib beda juri sinjali evidenti ta' deterjorament minħabba l-esponiment kontinwu għall-elementi naturali, u għalhekk kien meħtieġ intervent ta' restawr biex jiġi ppreservat u mħares għall-ġenerazzjonijiet futuri. Il-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi wettqu restawr estensiv li indirizza l-ħsarat li kienu akkumulaw matul is-snin, filwaqt li żammew l-integrità storika u artistika tal-monument.
Permezz ta' dan l-intervent, is-salib reġa' ngħata d-dehra oriġinali tiegħu, filwaqt li ġiet assigurata wkoll il-konservazzjoni u l-istabbiltà tiegħu biex jibqa' jgawdi minnu l-pubbliku għal ħafna snin oħra.
Stqarrijiet Oħra:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922