STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Il-Baden Powell Scouts Malta jfakkru 15-il sena ta’ servizz u volontarjat
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia, attendiet għall-ftuħ uffiċjali tal-wirja fl-Imdina li mmarkat il-15-il anniversarju tal-Baden Powell Scouts Malta taħt it-tema “15 Years, One Promise."
Din l-inizjattiva, li qed titwettaq b'appoġġ finanzjarju mogħti permezz tas-Small Initiatives Support Scheme (SIS) tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS), qed twassal għal sena sħiħa ta' attivitajiet li jippromwovu l-valuri tal-Iscouting tradizzjonali, il-volontarjat, il-ħidma fil-komunità u ċ-ċittadinanza attiva. Fost l-attivitajiet ippjanati hemm inizjattivi ta' servizz fil-komunità, kampijiet internazzjonali, workshops dwar it-tmexxija u t-tħawwil ta' siġar indiġeni f'diversi lokalitajiet madwar Malta.
Waqt iċ-ċerimonja, il-Ministru Julia Farrugia qalet li l-Baden Powell Scouts Malta huma eżempju ċar ta' kif il-volontarjat għandu s-saħħa li jibdel il-ħajja tan-nies u fl-istess ħin jibni komunitajiet aktar b'saħħithom.
“L-Iscouts huma skola tal-ħajja li tgħallem il-valuri, id-dixxiplina, it-tmexxija u r-rispett lejn l-oħrajn. F'kull Scout naraw żagħżugħ jew żagħżugħa li qed jitħejja biex ikun ċittadin responsabbli u persuna li tagħti lura lill-komunità. Għalhekk il-Gvern se jibqa' jinvesti fil-volontarjat, għax kull ewro investit fl-għaqdiet volontarji huwa investiment dirett fil-futur tas-soċjetà tagħna," sostniet il-Ministru.
Il-Ministru Farrugia żiedet li l-volontarjat għandu rwol kruċjali fil-bini ta' Malta aktar magħquda u inklussiva, filwaqt li faħħret lill-mexxejja, lill-voluntiera u lill-familji kollha li tul dawn il-15-il sena taw ħinhom biex iwasslu l-valuri tal-Iscouting lil mijiet ta' tfal u żgħażagħ.
Min-naħa tagħha, ic-Chief Scout tal-Baden Powell Scouts Malta, Nathalie Fsadni, qalet li l-15-il anniversarju huwa okkażjoni biex jiġi ċċelebrat il-vjaġġ li għamlet l-għaqda matul dawn is-snin u l-impatt pożittiv tagħha fuq tant żgħażagħ. Hija spjegat li matul din is-sena kommemorattiva diġà sar pellegrinaġġ f'Jum il-Fundatur bi 15-il sfida differenti għal kull sezzjoni, kif ukoll Camporee nazzjonali fejn il-membri bnew “Wall of Memories" li jfakkar il-mumenti ewlenin ta' din l-għaqda. Fsadni qalet li waħda mill-akbar sodisfazzjon hija li tara tfal li bdew il-vjaġġ tagħhom bħala beavers u cubs u llum qed jerfgħu rwoli ta' tmexxija fi ħdan il-gruppi, filwaqt li f'dawn iċ-ċelebrazzjonijiet ingħataw ukoll uħud mill-ogħla unuri tal-Iscouting lil dawk il-mexxejja li spikkaw għal servizz eċċezzjonali u li marru lil hinn minn dak mistenni minnhom.
Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-anniversarju se jkomplu tul is-sena b'programm estensiv ta' attivitajiet li jinkludi inizjattivi favur is-servizz fil-komunità, attivitajiet internazzjonali, programmi ta' taħriġ u inizjattivi ambjentali li se jkomplu jsaħħu l-missjoni tal-Baden Powell Scouts Malta li jiffurmaw ġenerazzjonijiet ta' żgħażagħ b'valuri sodi u b'impenn lejn il-komunità.
Stqarrijiet Oħra:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922