STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Investiment ta’ madwar €1.4 miljun fit-tieni fażi tal-proġett ta’ Wied Inċita f’Ħ’Attard
Qed jiġu riġenerati 7,000 metru kwadru oħra bħala parti minn pjan usa’ għal park pubbliku ta’ aktar minn 90,000 metru kwadru
Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli żaret ix-xogħlijiet li għaddejjin fit-tieni fażi tal-proġett ta’ Wied Inċita, investiment ta’ madwar €1.4 miljun biex tkompli r-riġenerazzjoni ta’ din iż-żona f’wieħed mill-akbar spazji pubbliċi ambjentali f’pajjiżna.
Din il-fażi qed titwettaq minn Ambjent Malta u se twassal għar-riabilitazzjoni u t-titjib ta’ 7,000 metru kwadru oħra ta’ art, li minn art mitluqa se jinbidlu fi spazju aċċessibbli għall-familji.
Il-proġett jibni fuq l-ewwel fażi li ħolqot spazju miftuħ ġdid u rikreattiv ta’ 20,000 metru kwadru.
“B’dan l-investiment qed inkomplu nittrasformaw Wied Inċita fi spazju ambjentali estensiv u aċċessibbli, filwaqt li nħarsu l-karattru rurali u ekoloġiku tiegħu. Se nkomplu noħolqu aktar postijiet fejn il-familji jistgħu jqattgħu l-ħin, fejn it-tfal jistgħu jgawdu l-ambjent u l-komunitajiet ikollhom aktar spazji miftuħa viċin tagħhom,” qalet il-Ministru Dalli.
Ix-xogħlijiet jinkludu r-restawr u l-bini mill-ġdid ta’ ħitan tas-sejjieħ, tisbiħ tal-pajsaġġ, żbir tal-veġetazzjoni eżistenti, sistemi ġodda ta’ tisqija, titjib fir-rotot għall-mixi, outdoor furniture, faċilitajiet rikreattivi u miżuri aħjar ta’ sigurtà u aċċessibbiltà.
Se jitħawlu wkoll mijiet ta’ siġar u arbuxxelli indiġeni li huma adattati għall-klima Maltija, fosthom il-ballut, iż-żnuber, il-ħarrub, ir-riħan u s-siġar tal-għadiba. Dawn se jkunu akkumpanjati minn arbuxxelli Mediterranji u pjanti aromatiċi.
Enfasi partikolari qed tingħata lit-tisħiħ tal-bijodiversità, permezz tal-ħolqien ta’ ambjenti li jipprovdu kenn lill-insetti, il-pollinaturi, l-għasafar u r-rettili.
Din il-fażi tifforma parti minn masterplan usa’ li eventwalment se jittrasforma aktar minn 90,000 metru kwadru f’park pubbliku b’faċilitajiet rikreattivi, edukattivi u ekoloġiċi.
Other Press Releases:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922