STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS tniedi strateġija ġdida biex tkompli ssaħħaħ il-ħiliet u l-kwalità fis-settur turistiku
“L-investiment fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) huwa investiment dirett fil-futur tat-turiżmu Malti u Għawdxi, u fil-professjonisti li se jmexxu dan is-settur fis-snin li ġejjin.” Dan qalu l-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela waqt it-tnedija tal-Istrateġija ġdida tal-ITS li tkopri mill-2026 sal-2030.
Il-Ministru Abela spjega kif din l-istrateġija tippreżenta viżjoni ċara biex l-ITS tkompli tissaħħaħ bħala istituzzjoni moderna, innovattiva u marbuta mill-qrib mal-ħtiġijiet tal-industrija turistika. Huwa sostna li, wara kważi erbgħin sena ta' servizz, l-ITS tibqa’ waħda mill-pilastri ewlenin fl-iżvilupp tal-ħaddiema li jagħtu ħajja lis-settur turistiku u tal-ospitalità f’Malta.
“Jekk irridu istituzzjoni aktar b’saħħitha, irridu nibnuha fuq pedamenti sodi. Għalhekk din l-istrateġija hija mibnija fuq approċċ li jsaħħaħ il-pedamenti tal-istitut filwaqt li joħloq opportunitajiet ġodda ta’ tkabbir,” spjega l-Ministru, u kompla li l-pjan jinkludi investiment akbar fil-kwalità tal-edukazzjoni, fl-infrastruttura, fid-diġitalizzazzjoni, fil-governanza u fil-kapaċità akkademika, bil-għan li sal-2030 l-ITS tkun aktar moderna, aktar marbuta mal-industrija u aktar rikonoxxuta fuq livell internazzjonali.
Il-Ministru Jo Etienne Abela enfasizza li din l-istrateġija hija konformi wkoll mal-Viżjoni Malta 2050 u mal-impenn tal-Gvern li jkompli jibni ekonomija turistika bbażata fuq il-kwalità, il-ħiliet u servizzi ta’ valur miżjud. “L-investiment fl-ITS mhijiex spiża, iżda investiment fil-kompetittività tat-turiżmu Malti u fil-kwalità tas-servizz li noffru lill-viżitaturi tagħna,” sostna Dr Abela.
L-istrateġija tinkludi wkoll il-modernizzazzjoni tal-kurrikulu, l-iżvilupp ta’ korsijiet speċjalizzati ġodda, aktar kollaborazzjoni mal-industrija u tisħiħ tal-internazzjonalizzazzjoni tal-istitut, filwaqt li tkompli tibni fuq is-suċċess tal-programm Skills Pass biex tissaħħaħ il-professjonalità fis-settur.
“It-turiżmu ma jitkejjilx biss bin-numru ta’ viżitaturi li jilqgħu xtutna. Jitkejjel ukoll bil-kwalità tas-servizz, bil-livell tal-esperjenza u bil-professjonalità ta’ dawk li jaħdmu fis-settur. Għalhekk, kull investiment fil-ħiliet huwa investiment fil-futur tat-turiżmu Malti,” temm jgħid il-Ministru Abela.
Min-naħa tiegħu il-Kap Eżekuttiv tal-ITS Pierre Fenech qal kif dan il-pjan strateġiku jibni fuq il-momentum b’saħħtu tal-pjan preċedenti, li permezz tiegħu rnexxielhom jilħqu l-maġġoranza tal-key performance indicators li kienu ġew stabbiliti. “Dan il-pjan jirrifletti mhux biss il-kisbiet tagħna sal-lum, iżda wkoll l-ambizzjoni tagħna li nkomplu navvanzaw. Filwaqt li jistabbilixxi miri kuraġġużi u b’ħarsa lejn il-futur, aħna fiduċjużi fil-viżjoni tagħna, fin-nies tagħna u fil-kapaċità tagħna li nwasslu riżultati konkreti, li jistgħu jitkejlu u li jħallu impatt fit-tul.”
Għat-tnedija attendew il-Bord tal-Gvernaturi tal-ITS, it-tmexxija u l-istaff tal-istitut, kif ukoll rappreżentanti mill-industrija turistika u stakeholders oħra.
Stqarrijiet Oħra:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922