Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Il-Ministru Bedingfield iħabbar sensiela ta’ laqgħat fil-lokalitajiet biex jisma’ lir-residenti dwar is-sigurtà u l-ordni pubblika

PR261151
Date Icon 09/07/2026

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Glenn Bedingfield ħabbar li matul il-ġimgħat u x-xhur li ġejjin se jkun qed iżur lokalitajiet madwar Malta u Għawdex sabiex jiltaqa’ mar-residenti u jisma’ direttament it-tħassib u s-suġġerimenti tagħhom dwar is-sigurtà u l-ordni pubblika.

Il-Ministru Bedingfield qal dan waqt ċerimonja fid-Depot tal-Pulizija li matulha ġew maħtura 18-il spettur ġdid u 27 police patrol and community support officers ġodda.

Il-ministru qal li din l-inizjattiva se tkun mibnija fuq djalogu miftuħ mal-komunitajiet. “Se nkun qed immur jien stess fil-lokalitajiet biex niltaqa’ man-nies u nisma’ dak kollu li għandhom xi jgħidu dwar is-sigurtà u l-ordni pubblika. Nemmen li l-aħjar soluzzjonijiet jitwieldu meta nisimgħu lil dawk li jesperjenzaw l-isfidi ta’ kuljum fil-komunitajiet tagħhom,” qal il-ministru.

Huwa spjega li l-għan huwa li tkompli tissaħħaħ ir-relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-komunitajiet u l-awtoritajiet, filwaqt li kull tħassib ikun indirizzat b’serjetà u mingħajr dewmien.

“Se nkomplu naħdmu flimkien mar-residenti, il-kunsilli lokali, il-pulizija tal-komunità u l-entitajiet kollha involuti biex inkomplu nsaħħu s-sens ta’ sigurtà f’kull lokalità u nwasslu riżultati konkreti li jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies,” kompla jgħid il-ministru.

Matul iċ-ċerimonja nħatru 18-il spettur ġdid, li minnhom sebgħa ngħaqdu mal-Korp direttament fil-grad ta’ spettur wara li ssodisfaw il-kwalifiki akkademiċi meħtieġa.

Fl-indirizz tiegħu, il-ministru qal li l-grad ta’ spettur iġib miegħu responsabbiltà akbar u rwol ta’ tmexxija li jitlob integrità, għaqal, sens ta’ ġudizzju u kapaċità li jittieħdu deċiżjonijiet diffiċli. “L-imġiba tagħkom se tirrifletti fuq il-Korp kollu. Is-suċċess tal-Korp jiddependi mhux biss fuq il-liġijiet li jinforza, iżda wkoll fuq il-kwalità tat-tmexxija tiegħu,” sostna l-ministru.

Huwa laqa’ wkoll lis-27 police patrol and community support officers il-ġodda u saħaq li dawn se jkollhom rwol kruċjali biex ikomplu jsaħħu l-preżenza tal-pulizija fil-komunitajiet.

“Il-bon ordni ma jinbeniex biss permezz tal-infurzar tal-liġi, iżda wkoll permezz tal-preżenza, tad-djalogu u tar-relazzjoni ta’ fiduċja man-nies. Intom se tkunu l-wiċċ tal-Korp fil-lokalitajiet tagħna,” qal il-ministru.

Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, appella lill-Ispetturi l-ġodda biex ikunu mexxejja li jispiraw, jimmotivaw, jisimgħu u jkunu dejjem disponibbli għall-kollegi tagħhom. Huwa saħaq li għandhom imexxu bl-eżempju filwaqt li jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom b’serjetà, b’ġustizzja u b’kuraġġ.

Il-Kummissarju enfasizza li l-kuraġġ għandu dejjem jimxi id f’id mal-umiltà u qal li l-Korp illum huwa aktar miftuħ, aktar lest li jisma’ u aktar lest jappoġġja lill-membri tiegħu fl-isfidi li jiltaqgħu magħhom. Huwa ħeġġeġ lill-Ispetturi l-ġodda biex jikkonsultaw, jisimgħu u jitgħallmu minn ta’ madwarhom qabel jieħdu d-deċiżjonijiet, filwaqt li dejjem ipoġġu lin-nies l-ewwel. Fakkarhom biex iżommu quddiem għajnejhom il-vittmi tal-kriminalità, il-familji, in-negozji u l-komunitajiet li jistennew servizz professjonali u empatiku, filwaqt li jagħtu importanza wkoll lill-benesseri tal-kollegi tagħhom.

Il-Kummissarju feraħ ukoll lis-27 police patrol and community support officers il-ġodda u qal li l-introduzzjoni tagħhom tifforma parti minn viżjoni fit-tul biex jinbnew komunitajiet aktar siguri permezz ta’ intelligence-led policing, preżenza aktar viżibbli fil-lokalitajiet u miżuri proattivi li jirrispondu għall-ħtiġijiet tan-nies.

Il-ministru temm billi tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti fil-Korp tal-Pulizija permezz ta’ investiment fl-infrastruttura, fit-teknoloġija, fit-taħriġ u fil-professjonalità tal-uffiċjali, filwaqt li rringrazzja lill-membri kollha tal-Korp u lill-familji tagħhom għad-dedikazzjoni u s-sagrifiċċji li jagħmlu kuljum fis-servizz tal-poplu Malti u Għawdxi.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Il-Ministru Bedingfield iħabbar sensiela ta’ laqgħat fil-lokalitajiet biex jisma’ lir-residenti dwar is-sigurtà u l-ordni pubblika
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Il-Ministru Bedingfield iħabbar sensiela ta’ laqgħat fil-lokalitajiet biex jisma’ lir-residenti dwar is-sigurtà u l-ordni pubblika
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow