STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR 85% tax-xogħlijiet lesti fi ġnien ġdid f’Baħar iċ-Ċagħaq
Tul it-Triq il-Kosta f’Baħar iċ-Ċagħaq, għaddej ix-xogħol fejn art abbandunata qed tiġi trasformata fi Ġnien it-Tbissim, park modern ta’ madwar 5,500 metru kwadru.
Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli flimkien mal-membri tal-kunsill lokali u t-tim ta’ Project Green żaru s-sit fejn raw il-progress li sar. Illum, 85% ta’ dawn ix-xogħlijiet huma lesti.
“Nieħu gost nara li wasalna fl-aħħar fażijiet tax-xogħol fuq dan il-ġnien f’Baħar iċ-Ċagħaq. Hawnhekk għandna spazju li minn post mitluq li ħafna drabi kien qed jispiċċa jattira lejh l-iskart, qed isir park, b’mod partikolari għal tfal ta’ kull età. Ladarba dan l-ispazju jkun lest ikunu jistgħu jiġu flimkien mal-familji tagħhom. Apparti minn hekk, dan il-park se jkollu total ta’ 500 siġra, b’200 siġra ġdida li qegħdin jitħawlu bħalissa. B’hekk qegħdin naraw li nabbinaw il-bijodiversità flimkien ma’ attrazzjonijiet għall-familji,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Fost l-interventi sar xogħol ta’ pavimentar magħmul minn natural hardstone li qed jagħti karattru u jsaħħaħ id-durabilità ta’ dan l-ispazju miftuħ. Tlesta wkoll il-bini ta’ faċilitajiet sanitarji u għaddej ix-xogħol fuq l-installazzjoni ta’ tagħmir tal-logħob, li se joffri firxa ta’ attivitajiet għat-tfal u l-familji. Bil-parti l-kbira tal-infrastruttura u l-faċilitajiet ewlenin lesti, il-proġett issa daħal fil-fażi tat-tħawwil, fejn qed jiġu introdotti siġar u pjanti ġodda.
Is-siġar indiġeni eżistenti se jiġu ppreservati filwaqt li ser jiġu introdotti speċi ġodda ta’ pjanti u siġar biex jitjieb l-abitat naturali u tissaħħaħ il-bijodiversità lokali.
Il-Project Manager f’dan il-proġett, Dylan Abela Spiteri, irrimarka kif fost l-għanijiet ewlenin ta’ dan il-proġett hemm il-prijorità li jiżdied il-valur ekoloġiku. “F’dan il-proġett rajna li nżidu aktar speċi indiġeni, fejn qed naraw li meta l-veġetazzjoni tilħaq il-maturità tagħha, il-kopertura tal-kannizzata tas-siġar tilħaq madwar 57% tas-sit kollu, ekwivalenti għal madwar 3,135 metru kwadru ta’ dell naturali,” qal Dylan Abela Spiteri.
B’investiment ta’ kważi miljun ewro, dan il-proġett huwa ffinanzjat permezz tal-fondi Ewropej taħt il-Miżura 8.5 u jifforma parti mill-Community Greening Grant Scheme.
Stqarrijiet Oħra:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922