STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Ħidma intensifikata biex il-lokalitajiet Maltin jibqgħu nodfa matul l-istaġun turistiku
Matul dawn il-ġimgħat tas-sajf, id-Dipartiment għat-Tindif u l-Manutenzjoni qed ikompli jsaħħaħ l-ħidma tiegħu f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex, b’enfasi partikolari fuq żoni li matul dan il-perjodu jkunu aktar popolari mal-Maltin u l-Għawdxin kif ukoll mat-turisti.
Din il-ħidma hija parti minn impenn kontinwu li jitwettaq tul is-sena kollha. Madankollu, matul ix-xhur tas-sajf, meta l-attività fil-pjazez, il-promenades, iż-żoni qrib il-baħar u ċ-ċentri turistiċi tiżdied b’mod sostanzjali, id-Dipartiment iżid il-frekwenza u l-intensità tal-operat tiegħu sabiex dawn il-lokalitajiet jinżammu fl-aqwa kundizzjoni.
Dan anke ġie nnutat waqt diversi żjarat li għamlet il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli flimkien mas-Segretarju Permanenti fi ħdan l-istess ministeru, Emil Vassallo.
Il-Ministru Alison Zerafa Civelli qalet li l-ħidma tad-Dipartiment għat-Tindif u l-Manutenzjoni hija essenzjali sabiex il-lokalitajiet Maltin u Għawdxin jibqgħu nodfa, siguri u attraenti għal kulħadd. Hija saħqet li għalkemm matul is-sajf din il-ħidma tissaħħaħ minħabba ż-żieda fil-moviment ta’ nies u turisti, l-impenn tal-ħaddiema jibqa’ kontinwu matul it-tnax-il xahar tas-sena. Il-ministru żiedet li Malta qed tattira dejjem aktar viżitaturi li jfittxu esperjenzi awtentiċi, u għalhekk huwa importanti li l-lokalitajiet, il-promenades, iż-żoni ħdejn il-baħar u l-pjazez jinżammu fl-aħjar stat possibbli.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti Emil Vassallo qal li l-ħidma tad-Dipartiment hija ppjanata bir-reqqa skont il-ħtiġijiet ta’ kull lokalità, b’aktar riżorsi jiġu allokati lejn dawk iż-żoni fejn matul is-sajf tiżdied l-attività. Huwa spjega li l-operazzjonijiet jinkludu diversi metodi ta’ tindif u manutenzjoni, bil-għan li jinżamm livell għoli ta’ ndafa fil-komunitajiet kollha.
Il-ħidma tad-Dipartiment tinkludi firxa wiesgħa ta’ interventi ta’ tindif u manutenzjoni li jitwettqu kuljum f’diversi lokalitajiet. Fost dawn hemm il-ħasil tat-toroq u tal-bankini permezz ta’ vetturi apposta, il-knis tat-toroq u l-pjazez, it-tindif u s-sanitizzazzjoni tal-kontenituri tal-iskart, kif ukoll it-tindif ta’ monumenti u spazji pubbliċi oħra sabiex jinżammu f’kundizzjoni tajba għar-residenti u t-turisti.
F’ħafna każijiet, il-ħidma titwettaq filgħaxija jew fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt fuq il-pubbliku u l-attività kummerċjali. Attenzjoni partikolari tingħata wkoll liż-żoni kostali u l-bajjiet, li matul dawn ix-xhur jilqgħu eluf ta’ persuni kuljum. F’dawn il-lokalitajiet, il-ħaddiema jwettqu tindif kontinwu tal-promenades, il-bankini u l-ispazji pubbliċi fil-qrib, filwaqt li tiżdied il-frekwenza tal-ġbir tal-iskart u tat-tindif tal-kontenituri sabiex dawn iż-żoni jinżammu nodfa u pjaċevoli għal dawk kollha li jżuruhom.
Barra minn hekk, id-Dipartiment jagħti importanza wkoll lit-tindif li jsir wara attivitajiet u avvenimenti tal-massa, b’mod partikolari matul l-istaġun tal-festi u l-festivals. Malli jintemmu ċ-ċelebrazzjonijiet, il-ħaddiema jibdew minnufih il-ħidma tagħhom sabiex it-toroq, il-pjazez u l-ispazji pubbliċi jerġgħu lura għan-normal fl-iqsar żmien possibbli, u l-lokalitajiet jibqgħu nodfa u miżmuma għall-komunità kollha.
Other Press Releases:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922