Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Jirritorna l-Festival tal-Ikel fix-Xewkija li se jgħaqqad l-ikel, id-divertiment u l-kultura f'atmosfera unika tas-sajf Għawdxi

PR261145
Date Icon 09/07/2026

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li wara s-suċċess kbir tal-edizzjonijiet preċedenti, il-Festival tal-Ikel f'Għawdex se jirritorna fil-qalba tal-Pjazza tax-Xewkija nhar il-Ġimgħa 10 u s-Sibt 11 ta' Lulju 2026, mis-6:00pm 'il quddiem. Dawn iż-żewġ serati se jgħaqqdu l-aqwa ikel minn madwar id-dinja, divertiment u inizjattivi kulturali f'atmosfera unika tas-sajf Għawdxi.

Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li “l-Festival tal-Ikel f'Għawdex sar wieħed mill-avvenimenti li jżewqu s-sajf Għawdxi u jkomplu juru l-potenzjal kbir tal-gżira tagħna bħala destinazzjoni ta' kwalità għall-viżitaturi u l-familji Maltin u Għawdxin. Din is-sena qed nagħtu dimensjoni ġdida lill-festival billi ngħaqqdu l-gastronomija ma' divertiment, kultura u esperjenzi innovattivi li joffru xi ħaġa għal kulħadd." Huwa kompla jgħid li l-Ministeru għal Għawdex jibqa' kommess li jappoġġja inizjattivi li jagħtu ħajja lill-komunitajiet tagħna, jippromwovu t-talent lokali u joħolqu aktar opportunitajiet fil-gżira Għawdxija.

Il-festival se joffri aktar minn 100 għażla differenti ta' ikel, li jinkludu kċina tradizzjonali Maltija u Għawdxija kif ukoll speċjalitajiet internazzjonali minn diversi pajjiżi madwar id-dinja. Dan kollu se jkun akkumpanjat minn għażla ta' nbejjed, birer u xorb artiġjanali ieħor, sabiex il-viżitaturi jkunu jistgħu jgawdu esperjenza kulinarja sħiħa. Minbarra l-ikel, il-festival joffri programm varjat ta' divertiment għal kulħadd, b'mużika live minn artisti lokali, żona dedikata għat-tfal u atmosfera li tagħti ħajja lill-pjazza ewlenija tax-Xewkija. Għad-dilettanti tal-futbol, ser ikun hemm skrin kbir li fuqu se jixxandru direttament is-semifinali tat-Tazza tad-Dinja 2026.

Bħala parti mill-esperjenza kulturali, ħdejn il-knisja ser jittella' spettaklu immersiv li jfakkar l-475 anniversarju mill-Assedju u l-Invażjoni ta' Għawdex tal-1551, fejn l-istorja se tingħaqad mat-teknoloġija moderna biex toffri esperjenza viżiva moderna.

Min-naħa tagħha s-Sindku tax-Xewkija Simona Refalo qalet li “kburin li għal sena oħra l-Festival tal-Ikel f'Għawdex ser isir fix-Xewkija, u l-Kunsill qiegħed jaħdem f'dan l-avveniment bħala wieħed mill-imsieħba ewlenin. Din hija opportunità oħra sabiex il-komunità tax-Xewkija tgawdi mill-popolarità ta' dan l-avveniment, filwaqt li nilqgħu fostna mijiet ta' Għawdxin, Maltin u turisti dan it-tmiem il-ġimgħa."

Il-Festival tal-Ikel f'Għawdex qed jiġi organizzat b'kollaborazzjoni sħiħa bejn il-Ministeru għal Għawdex, il-Kunsill Lokali tax-Xewkija u numru ta' msieħba oħra, bil-għan li jkompli jsaħħaħ lil Għawdex bħala destinazzjoni ewlenija għall-avvenimenti kulturali u gastronomiċi fis-sajf. Sabiex il-pubbliku jkun jista' jattendi b'aktar faċilità, Malta Public Transport se topera servizz regolari bejn l-Imġarr u x-Xewkija matul iż-żewġ serati.

Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li l-Festival tal-Ikel huwa eżempju ċar ta' kif wieħed jista' jkompli jibni fuq it-tradizzjonijiet filwaqt li jħares lejn ideat ġodda li jsaħħu l-esperjenza ta' min iżur Għawdex.

Ritratt: MFG

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Jirritorna l-Festival tal-Ikel fix-Xewkija li se jgħaqqad l-ikel, id-divertiment u l-kultura f'atmosfera unika tas-sajf Għawdxi
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow