Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Studenti tal-MCAST jesebixxu t-talent tagħhom fil-Malta Fashion Week

PR261138
Date Icon 08/07/2026


Il-Ministru Byron Camilleri jżur lill-istudenti qabel il-wirja tagħhom u jfaħħar il-ħiliet, il-kreattività u l-kwalità tal-edukazzjoni vokazzjonali

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, żar lill-istudenti tal-MCAST li temmew l-Advanced Diploma in Fashion Design qabel il-wirja tagħhom waqt il-Malta Fashion Week 2026, fejn kellu l-opportunità jiltaqa' magħhom u jsegwi mill-qrib il-preparamenti tagħhom qabel ippreżentaw il-kollezzjonijiet finali tagħhom.

Ħames studenti ppreżentaw il-kollezzjonijiet tagħhom bħala parti mill-Malta Fashion Week, inizjattiva li għal sena oħra qed tkompli ssaħħaħ ir-rabta bejn l-edukazzjoni u l-industrija kreattiva, filwaqt li toffri lill-istudenti esperjenza professjonali li tgħinhom jagħmlu l-ewwel passi tagħhom fid-dinja tax-xogħol.  

Il-Ministru Byron Camilleri qal li din l-esperjenza hija xhieda tal-kwalità tal-edukazzjoni vokazzjonali u tal-opportunitajiet li qed jingħataw lill-istudenti biex jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom.

“Fl-MCAST qed naraw edukazzjoni li tmur lil hinn mill-klassi u tħejji lill-istudenti għad-dinja tax-xogħol. Dawn iż-żgħażagħ qed juru t-talent, il-kreattività u l-ħiliet li kisbu matul il-kors tagħhom fuq pjattaforma professjonali, filwaqt li qed jagħmlu l-ewwel passi fil-karriera tagħhom. Huwa permezz ta' opportunitajiet bħal dawn li nkomplu nibnu edukazzjoni li tagħti fiduċja, tiftaħ il-bibien u tħeġġeġ lill-istudenti jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom," qal il-Ministru Camilleri.

Il-Ministru faħħar ukoll l-impenn tal-MCAST u tal-Malta Fashion Week li, permezz tal-kollaborazzjoni tagħhom, qed ikomplu joħolqu opportunitajiet għall-istudenti biex jesponu x-xogħol tagħhom quddiem professjonisti, rappreżentanti tal-industrija, il-midja u l-pubbliku. Huwa saħaq li dawn l-esperjenzi huma kruċjali biex l-istudenti jiksbu mhux biss il-ħiliet tekniċi, iżda wkoll il-kunfidenza u l-esperjenza meħtieġa biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

Il-Fundatur u l-Produttur Eżekuttiv tal-Malta Fashion Week Adrian Mizzi saħaq li l-avveniment mhux biss joffri pjattaforma lil disinjaturi stabbiliti, iżda jagħti wkoll importanza kbira lit-talent emerġenti. Huwa spjega li kull sena, ġurnata minn Malta Fashion Week hija ddedikata għall-istudenti li jiggradwaw fil-kors tal-Fashion Design tal-MCAST, sabiex ikollhom l-opportunità jippreżentaw il-kollezzjonijiet tagħhom fuq catwalk professjonali. Mizzi żied li s-settur tal-moda jinkludi diversi dixxiplini li flimkien jiffurmaw industrija kreattiva b'saħħitha, u sostna li l-edukazzjoni tibqa' l-pedament biex jinbena s-suċċess tal-ġenerazzjonijiet futuri.

Min-naħa tiegħu, il-ħajjat u disinjatur Isaac Fenech, li ggradwa mill-MCAST sentejn ilu u qed jipparteċipa fil-Malta Fashion Week, qal li l-edukazzjoni li rċieva fl-MCAST, flimkien mal-opportunitajiet offruti mill-Malta Fashion Week, għenuh jiżviluppa l-ħiliet tiegħu u jwettaq il-ħolma li jibni karriera professjonali fl-industrija tal-moda.

Il-Malta Fashion Week ilha għal diversi snin tikkollabora mal-MCAST billi tipprovdi pjattaforma professjonali lill-istudenti tal-aħħar sena tal-Advanced Diploma in Fashion Design, filwaqt li toffrilhom mentoring u gwida matul il-preparamenti sabiex jesperjenzaw il-proċessi u l-istandards professjonali tal-industrija tal-moda. Din is-sena, il-ħames studenti – Gillian Grech, Matthias Psaila, Selena Mallia, Mikaela Vella u Maria Pia Falzon – ippreżentaw kollezzjonijiet li jirriflettu l-kreattività, il-ħiliet tekniċi u l-identità artistika tagħhom, filwaqt li taw prova tal-livell għoli ta' taħriġ li qed jingħata fl-MCAST.

Ritratti: MES

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Studenti tal-MCAST jesebixxu t-talent tagħhom fil-Malta Fashion Week
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Studenti tal-MCAST jesebixxu t-talent tagħhom fil-Malta Fashion Week
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow