STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U MILL-MINISTERU GĦALL-ARTI, IL-KULTURA U L-WIRT NAZZJONALI Żewġ headliners internazzjonali għall-Għaxaq Music Festival 2026
L-Għaxaq Music Festival se jirritorna dan is-sajf b’edizzjoni speċjali li tifforma parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-400 anniversarju mit-twaqqif tal-Parroċċa ta’ Ħal Għaxaq. Il-festival, li ilu jiġi organizzat mill-1999, stabbilixxa ruħu bħala wieħed mill-aktar avvenimenti mużikali ewlenin f’Malta.
L-edizzjoni ta’ din is-sena se tospita żewġ artisti internazzjonali ewlenin. Nhar it-Tlieta 21 ta’ Lulju se jkun hemm il-grupp Taljan Ricchi e Poveri bħala parti mill-World Tour tagħhom, filwaqt li nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Lulju, għall-ewwel darba f’Malta, se jdoqq Padre Guilherme, magħruf bħala d-“DJ Priest”, flimkien ma’ POU – Product of Us. Iż-żewġ serati se jkunu akkumpanjati minn artisti Maltin bħal Kevin Paul Calleja, JJoy, Alex Grech, Pierre Cordina, Mux u Braynod.
Waqt it-tnedija tal-programm, il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, Malcolm Paul Agius Galea, sostna li festivals bħal dan huma xhieda ta' kif il-kultura kapaċi tgħaqqad il-komunitajiet, toħloq opportunitajiet għall-artisti u tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni ta' Malta bħala destinazzjoni kulturali.
“L-Għaxaq Music Festival huwa eżempju ċar ta’ kif il-volontarjat, il-komunità u l-kultura jistgħu jingħaqdu biex joħolqu avveniment ta’ livell internazzjonali. Bħala Gvern nemmnu li l-investiment fil-kultura huwa investiment fin-nies, fl-identità tagħna u fl-ekonomija kreattiva. Dan il-festival mhux biss jattira eluf ta’ persuni lejn pajjiżna, iżda jagħti wkoll spazju lill-artisti Maltin biex jaqsmu l-palk ma’ artisti ta’ fama internazzjonali,” qal il-Ministru Agius Galea. Huwa rringrazzja wkoll lill-Għaqda Mużikali Santa Marija ta’ Ħal Għaxaq u lill-voluntiera kollha li, sena wara oħra, b'impenn u dedikazzjoni jagħmlu dan il-festival possibbli.
Il-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela sostna li s-27 edizzjoni tal-Għaxaq Music Festival tkompli tikkonferma l-impenn tal-Gvern li jassisti biex jsaħħaħ il-kalendarju kulturali u turistiku ta’ pajjiżna, filwaqt li jkompli jippromwovi lil Malta bħala destinazzjoni ta’ kwalità fuq livell internazzjonali. Huwa qal li festivals ta’ din ix-xorta mhux biss joffru esperjenza kulturali lill-komunità lokali, iżda jkomplu jattiraw turisti lejn Malta, b’benefiċċji diretti għall-ekonomija u s-settur turistiku.
“Il-Gvern jemmen bis-sħiħ fil-valur ta’ avvenimenti bħal dawn, li jkomplu jsaħħu l-profil internazzjonali ta’ Malta u jikkontribwixxu għal offerta turistika aktar diversa u sostenibbli. Huwa wkoll ta’ sodisfazzjon li din l-edizzjoni se tkun qed tappoġġja lill-NGO Embrace, u b’hekk tgħaqqad il-kultura, it-turiżmu u s-solidarjetà soċjali. Bħala Gvern, se nibqgħu ninvestu u nappoġġjaw inizjattivi li jkomplu jġibu valur miżjud lil pajjiżna u jsaħħu r-reputazzjoni pożittiva ta’ Malta barra minn xtutna,” temm jgħid il-Ministru Abela.
Il-festival huwa organizzat mill-Għaqda Mużikali Santa Marija ta’ Ħal Għaxaq taħt il-patroċinju tal-Ministeru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Il-biljetti huma disponibbli minn showshappening.com, filwaqt li aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mill-paġni uffiċjali tal-Għaxaq Music Festival.
Stqarrijiet Oħra:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922