STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL Il-Ministru Refalo jipparteċipa fil-Laqgħa tal-Ministri tal-Agrikoltura tal-MED9 fil-Kroazja
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel Anton Refalo pparteċipa fil-Laqgħa konġunta tal-Ministri tal-Agrikoltura tal-MED9, li saret f’Zadar, il-Kroazja. Għal din il-laqgħa kienu preżenti ministri u rappreżentanti minn disa’ pajjiżi Mediterranji tal-Unjoni Ewropea sabiex jiddiskutu l-għan importanti tat-tiġdid ġenerazzjonali fis-settur agrikolu, l-importanza dwar l-iskambju tal-għarfien u l-innovazzjoni fl-agrikoltura, kif ukoll il-ħtieġa tar-rivitalizzazzjoni taż-żoni rurali u l-isfidi demografiċi li qed jiffaċċjaw dawn il-pajjiżi.
Matul il-laqgħa ġew diskussi wkoll temi ewlenin bħall-appoġġ għall-bdiewa żgħażagħ kemm fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni tal-futur (PAK) kif ukoll minn inizjattivi oħra, flimkien mal-ħtieġa ta’ politika integrata li tgħaqqad l-agrikoltura mal-iżvilupp reġjonali, id-demografija u l-intraprenditorija sabiex jissaħħu l-komunitajiet rurali.
Fl-interventi tiegħu, il-Ministru Refalo enfasizza li t-tiġdid ġenerazzjonali huwa kruċjali biex jiġi żgurat futur sostenibbli għall-agrikoltura Maltija. Huwa spjega li Malta taffaċċja sfidi partikolari bħall-frammentazzjoni tal-art agrikola, id-disponibbiltà limitata tal-art u għalhekk huwa essenzjali li l-miżuri Ewropej jibqgħu flessibbli sabiex jippermettu lill-Istati Membri japplikaw l-interventi li huma l-aktar effettivi skont ir-realtajiet u ċ-ċirkostanzi nazzjonali partikolari u li jvarjaw minn pajjiż għall-ieħor. Malta qablet ukoll għal aktar kollaborazzjoni bejn il-pajjiżi tal-MED9 fl-iskambju ta’ esperjenzi u prattiki tajbin.
Fi tmiem il-laqgħa, il-Ministri tal-MED9 adottaw Dikjarazzjoni Konġunta li tafferma l-impenn komuni favur it-tiġdid ġenerazzjonali fl-agrikoltura, it-tisħiħ tal-innovazzjoni, il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi Mediterranji u l-promozzjoni ta’ komunitajiet rurali aktar reżiljenti u sostenibbli.
“L-investiment fiż-żgħażagħ, fl-innovazzjoni u fil-komunitajiet rurali huwa investiment dirett fil-futur tas-sigurtà tal-ikel u tas-settur agrikolu tagħna. Permezz tal-ħidma konġunta fil-MED9 nistgħu nkomplu nibnu agrikoltura aktar sostenibbli, kompetittiva u reżiljenti għall-ġenerazzjonijiet futuri,” temm jgħid il-Ministru Refalo.
Stqarrijiet Oħra:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922