Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Imniedi proġett ta' St John Ambulance and Rescue biex isaħħaħ is-salvataġġ fl-ilma

PR261134
Date Icon 07/07/2026

Taħriġ għal 140 voluntier, vettura ġdida ta' salvataġġ u kampanja edukattiva għal aktar minn 400 student

L-għaqda volontarja St John Ambulance and Rescue (SJAR) nediet proġett li permezz tiegħu se ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta' 140 voluntier fis-salvataġġ fl-ilma, filwaqt li se tkun mgħammra b'vettura ġdida ta' salvataġġ u twettaq kampanja edukattiva li se tilħaq aktar minn 400 student. Il-proġett sar possibbli wara li l-SJAR ibbenefikat minn għotja ta' €20,000 mill-iskema VOPS immexxija mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat.

It-tnedija tal-proġett saret mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia waqt attività li ttellgħet minn St John Ambulance and Rescue, li fiha tat dimostrazzjoni ta' salvataġġ ġo pixxina. Il-voluntiera ta' din l-għaqda jingħataw taħriġ regolari fl-ilma sabiex jinżammu l-ħiliet li wieħed ikollu bżonn meta jkunu qed jiġu offruti servizzi ta' lifeguard kemm fuq l-art u anke fuq il-baħar. Dawn is-servizzi jikkumplimentaw dawk fl-oqsma tas-salvataġġ fuq l-art, tifi tan-nar, salvataġġ minn postijiet għoljin, l-ewwel għajnuna u dixxiplini oħra relatati ma' emerġenza li din l-għaqda tħarreġ kemm lil voluntiera kif ukoll lill-pubbliku inġenerali fihom.

Permezz ta' dan il-proġett SJAR se tiffinanzja materjal edukattiv u Rapid Rescue Vehicle (RRV) speċjalizzata li se jservu biex tingħata edukazzjoni fost it-tfal għas-sigurtà fl-ilma u tkun ta' appoġġ għal sejħiet ta' emerġenza. Il-proġett se jsaħħaħ il-kapaċitajiet tal-140 voluntier ta' SJAR biex jissalvagwardjaw is-sigurtà pubblika waqt li jkattru l-kultura ta' prevenzjoni u l-għarfien dwar il-prevenzjoni u l-kura relatata ma' sitwazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu fl-ilma.

Bejn dan ix-xahar u Settembru li ġej, St John Ambulance and Rescue se tkun qed twassal kampanja ta' għarfien dwar is-sigurtà tat-tfal meta jkunu fl-ilma, bl-isem ta' Young Lives Safe Shores. Il-kampanja se tkun mifruxa f'sessjonijiet interattivi li jittellgħu fl-iskejjel, speċjalment dawk matul is-sajf, u ċentri taż-żgħażagħ li se tkun qiegħda tilħaq 'il fuq minn 400 student. Il-kampanja hija maħsuba biex tgħallem lit-tfal kif għandhom jirreaġixxu ħdejn u fl-ilma u kif għandhom iwieġbu f'każijiet ta' emerġenza. Parti mill-investiment f'dan il-proġett, grazzi għal VOPS, se tmur ukoll għall-pubblikazzjoni ta' ktejjeb edukattiv, li t-tfal ikunu jistgħu jieħdu magħhom anke fid-djar sabiex l-għarfien ikompli anke fid-djar mal-kumplament tal-familja.

Is-sessjonijiet għandhom l-għan li jnaqqsu l-inċidenti, li jistgħu jkunu fatali, permezz ta' involviment prattiku relatat mal-età tal-parteċipanti. L-RRV se tkun mgħammra b'apparat mediku essenzjali biex tkun salvata l-ħajja tal-persuna u apparat li jagħmilha possibbli biex l-SJAR tkun tista' tkompli tgħin u tassisti aktar lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (CPD) u lill-Awtoritajiet dwar is-Saħħa waqt il-qadi ta' dmirijiethom. Il-vettura se tintuża wkoll waqt is-sessjonijiet ta' taħriġ biex it-tfal ikunu wkoll esposti għal apparat ta' salvataġġ. L-għan ta' dan l-involviment dirett tat-tfal waqt is-sessjonijiet ta' taħriġ huwa biex jagħmilhom aktar konxji.

Il-Ministru Julia Farrugia qalet li “dan il-proġett ikompli jibni fuq il-ħidma tal-Gvern favur aktar prevenzjoni u edukazzjoni dwar is-sigurtà fl-ilma. Proprju għalhekk bdejna kampanja nazzjonali ta' tagħlim tal-għawm għal tfal ta' bejn it-3 u l-5 snin, għax nemmnu li l-għarfien u l-ħiliet miksuba minn età bikrija jistgħu jsalvaw il-ħajjiet." Hija rringrazzjat lil St John Ambulance and Rescue u lill-voluntiera tagħha għad-dedikazzjoni tagħhom, u saħqet li din l-inizjattiva tkompli ssaħħaħ l-edukazzjoni u l-prevenzjoni fil-komunità. Il-Ministru sostniet li l-appoġġ permezz tal-iskema VOPS juri l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti fis-settur volontarju u f'inizjattivi b'impatt pożittiv fil-komunità.

Min-naħa tiegħu Mauro Pace Parascandalo, Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, qal li huwa dejjem ta' sodisfazzjon li tara proġetti finanzjati minn fondi tal-Kunsill, bħalma hija l-iskema VOPS, jieħdu l-ħajja.

Christopher Borg Cardona, Kummissarju għall-Operat fi ħdan St John Ambulance and Rescue, saħaq fuq il-fatt li skemi bħal VOPS jagħtu lil għaqda bħal SJAR dak is-sapport sabiex jiġi estiż iktar l-involviment fil-komunità. Huwa qal li permezz tal-vettura l-organizzazzjoni se tkun tista' toffri iktar servizzi relatati mal-ilma u l-baħar, li jikkumplimentaw dawk li diġà qiegħda tagħti f'emerġenzi fuq l-art, bħalma kienet is-sitwazzjoni bi Storm Harry fil-bidu ta' din is-sena u tliet emerġenzi maġġuri oħra, ħafna minnhom relatati mat-tifi tan-nar.

Ritratti: MIV

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Imniedi proġett ta' St John Ambulance and Rescue biex isaħħaħ is-salvataġġ fl-ilma
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Imniedi proġett ta' St John Ambulance and Rescue biex isaħħaħ is-salvataġġ fl-ilma
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Imniedi proġett ta' St John Ambulance and Rescue biex isaħħaħ is-salvataġġ fl-ilma
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Imniedi proġett ta' St John Ambulance and Rescue biex isaħħaħ is-salvataġġ fl-ilma
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow