STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU Aktar investiment fit-timijiet tal-futbol lokali
Il-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela ħabbar li grazzi għal ftehim bejn VisitMalta u l-MFA, ser ikunu qed jgħinu b’investiment finanzjarju lit-timijiet Maltin tal-futbol fil-kompetizzjonijiet Ewropej
F’dawn l-aħħar snin VisitMalta appoġġat lit-timijiet tal-futbol lokali li jieħdu sehem fil-kompetizzjonijiet uffiċjali tal-UEFA permezz ta’ inċentiv finanzjarju. Għal sena oħra, kull klabb ser ikun qed jingħata inċentiv ta’ €15,000.
It-timijiet lokali li ser jibbenefikaw minn dan l-inċentiv huma Floriana FC fil-UEFA Champions League, Ħamrun Spartans FC, Marsaxlokk FC u Valletta FC fil-UEFA Europa Conference League, it-tim tan-nisa ta’ Mġarr FC fil-UEFA Women Champions League, Luxol St Andrews fil-UEFA Futsal Champions League u Valletta FC fil-UEFA Youth League. It-timijiet imsemmija ser ikollhom il-brand VisitMalta fuq il-kit li ser jilgħabu bih fil-kompetizzjonijiet tal-UEFA.
Il-Ministru Jo Etienne Abela qal kif dan il-ftehim huwa turija ċara ta’ kif il-Gvern huwa dejjem hemm biex jgħin lill-isportivi f’kull pass tal-vjaġġ tagħhom anke lil hinn minn xtutna.
Il-Ministru Abela qal li l-isport m'għadux biss kompetizzjoni; sar mezz b'saħħtu biex pajjiż jippromwovi l-identità tiegħu, isaħħaħ ir-reputazzjoni tiegħu u jattira opportunitajiet ġodda. “Iċ-ċokon ġeografiku ta’ pajjiżna qatt m’għandu jkun ostaklu għall-aspirazzjonijiet tal-isport Malti. Għall-kuntrarju, għandu jservi ta’ motivazzjoni biex inkunu aktar proattivi u nħeġġu aktar entitajiet sportivi joħorġu lil hinn minn xtutna. Meta dawn jirrappreżentaw lil Malta barra minn pajjiżna, mhux biss ikunu qed jippromwovu l-bandiera Maltija, iżda jkunu wkoll qed isaħħu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna u juru li, minkejja d-daqs tagħna, nistgħu nikkompetu u niksbu suċċess fuq livell internazzjonali. Meta jirbaħ l-isport Malti, tirbaħ Malta kollha”, temm jgħid Dr Abela.
Il-Kap Eżekuttiva tal-MTA Carlo Micallef qal li, “Din il-kollaborazzjoni tkompli ssaħħaħ il-viżjoni tagħna li nużaw l-isport bħala pjattaforma strateġika biex nippromwovu lil Malta fuq livell internazzjonali. Il-klabbs Maltin li qed jikkompetu fl-Ewropa huma ambaxxaturi importanti għal pajjiżna, u permezz tal-esponiment tagħhom qed inkomplu nsaħħu l-brand VisitMalta quddiem udjenzi ġodda. It-turiżmu sportiv għandu potenzjal qawwi kemm ekonomikament kif ukoll fil-promozzjoni tal-identità Maltija, u għalhekk l-MTA tibqa’ impenjata li tappoġġa inizjattivi li jkomplu jqiegħdu lil Malta bħala destinazzjoni dinamika, moderna u attraenti għas-suq internazzjonali.”
Min-naħa tiegħu l-President tal-MFA Bjorn Vassallo qal li, “Din l-inizjattiva hija eżempju ċar ta’ kif il-kollaborazzjoni bejn l-MFA, l-Ministeru għat-Turiżmu u l-Malta Tourism Authority tista' twassal għal riżultati konkreti għall-ġid tal-futbol Malti. Din l-assistenza finanzjarja hija investiment dirett fil-klabbs membri tagħna, li se jgħinhom ikomplu jsaħħu l-professjonalità tagħhom u jaffaċċjaw b'aktar fiduċja l-isfidi tal-kompetizzjonijiet Ewropej. Nirringrazzja lill-Ministeru għat-Turiżmu u lill-MTA għall-appoġġ u l-impenn tagħhom favur l-iżvilupp tal-futbol Malti u tad-dixxiplina tal-Futsal, sabiex l-għanijiet strateġiċi jintlaħqu.”
Stqarrijiet Oħra:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922