Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Inkomplu ninvestu fir-riintegrazzjoni soċjali ta’ persuni li jkunu skontaw sentenza ta’ ħabs

pr261128
Date Icon 06/07/2026

Il-Gvern qed ikompli jsaħħaħ il-ħidma tiegħu favur ir-riintegrazzjoni soċjali ta' persuni li jkunu qed jiskontaw l-aħħar parti tas-sentenza ta' priġunerija tagħhom permezz tas-servizzi offruti minn Dar Bla Ħitan, residenza fil-komunità mmexxija mill-Fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl u mħaddma permezz ta' ftehim mal-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà.

Dan qalu l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield waqt żjara f'Dar Bla Ħitan, fejn iltaqa' mar-residenti, mal-istaff u mat-tmexxija tal-Fondazzjoni biex jiddiskuti l-ħidma li qed issir favur ir-rintegrazzjoni u l-appoġġ mogħti lil persuni li qed jagħmlu t-tranżizzjoni lura lejn il-komunità.

Il-Ministru Glenn Bedingfield qal li l-ftehim mal-Fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl huwa eżempju konkret tal-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti f'servizzi speċjalizzati li jindirizzaw il-bżonnijiet ta' persuni u familji li jkunu qed jiffaċċjaw sfidi soċjali.

“Nemmen li kull persuna għandha tingħata opportunità reali biex terġa' tibni ħajjitha u ssib postha fis-soċjetà. Ir-riintegrazzjoni ma tieqafx mal-ħelsien mill-ħabs, iżda hija proċess li jirrikjedi appoġġ, gwida u opportunitajiet konkreti. Meta ninvestu f'servizzi bħal dawn inkunu qed noħolqu komunitajiet aktar b'saħħithom, aktar inklużivi u aktar siguri," sostna l-Ministru.

Huwa żied li l-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u s-soċjetà ċivili hija kruċjali biex persuni jingħataw iċ-ċans li jerġgħu jibnu ħajjithom b'dinjità u b'responsabbiltà.

Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl, George Busuttil, qal li l-ftehim mal-Ministeru jippermetti lill-Fondazzjoni toffri servizzi komprensivi li jindirizzaw kemm il-ħtiġijiet tal-individwu kif ukoll dawk tal-familja. Huwa enfasizza wkoll l-importanza tal-appoġġ lit-tfal u lill-familji li jiġu affettwati mill-esperjenza tal-ħabs.

Matul iż-żjara, wieħed mir-residenti spjega kif il-programm ta' Dar Bla Ħitan kien kruċjali biex jerġa' jikseb il-fiduċja fih innifsu. “Meta jkollok nies li jemmnu fik, tibda temmen aktar fik innifsek ukoll," qal ir-resident.

Il-Koordinatur għas-Servizzi Residenzjali, Dorianne Apap, spjegat li l-programm ta' Dar Bla Ħitan huwa mqassam f'erba' fażijiet u jinkludi terapija individwali u fi grupp, taħriġ, opportunitajiet ta' impjieg u volontarjat, sabiex ir-residenti jkunu jistgħu jagħmlu tranżizzjoni gradwali u sostenibbli lejn ħajja indipendenti fil-komunità.

Dar Bla Ħitan hija waħda mit-tliet servizzi pprovduti mill-Fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl permezz tal-ftehim mal-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà. Minbarra r-residenza, il-ftehim jinkludi wkoll servizzi ta' appoġġ u terapija għall-familji, kif ukoll programm ta' żjarat speċjalizzati bejn it-tfal u l-ġenituri tagħhom f'ambjent apposta, bil-għan li jissaħħu r-rabtiet familjari u tiġi ffaċilitata r-riintegrazzjoni soċjali.

Għal aktar minn tletin sena, il-Fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl ilha taħdem biex tappoġġja persuni u familji affettwati mill-esperjenza tal-ħabs, filwaqt li tkompli tippromwovi r-riabilitazzjoni u l-inklużjoni soċjali bħala elementi essenzjali għal komunità aktar b'saħħitha.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Inkomplu ninvestu fir-riintegrazzjoni soċjali ta’ persuni li jkunu skontaw sentenza ta’ ħabs
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Inkomplu ninvestu fir-riintegrazzjoni soċjali ta’ persuni li jkunu skontaw sentenza ta’ ħabs
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow