Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Il-Beach Patrols tal-Uffiċjali tal-Komunità jirritornaw dan is-sajf biex iżommu l-bon ordni fil-bajjiet Maltin

pr261119
Date Icon 02/07/2026

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Glenn Bedingfield, nieda uffiċjalment il-Beach Patrols 2026, inizjattiva li se terġa’ tara lill-Uffiċjali tal-Komunità tal-LESA jkunu preżenti fuq uħud mill-aktar bajjiet frekwentati f’Malta matul l-istaġun tas-sajf, bil-għan li jkomplu jsaħħu s-sigurtà, l-indafa u l-ordni fl-ispazji pubbliċi.

L-inizjattiva se tibda mill-4 ta’ Lulju sat-30 ta’ Awwissu u se tkun attiva kull nhar ta’ Sibt, Ħadd u Festa Pubblika bejn l-10:00 ta’ filgħodu u s-6:00 ta’ filgħaxija. Il-patrols se jkopru l-bajjiet tal-Għadira, Għajn Tuffieħa, Golden Bay, Buġibba Perched Beach, Qawra Point, St George’s Bay f’San Ġiljan, Balluta Bay, Fond Għadir, il-Fajtata, il-Bajja ta’ San Tumas, Pretty Bay u St George’s Bay f’Birżebbuġa.

Waqt it-tnedija, il-Ministru Glen Bedingfield saħaq li l-Gvern jibqa’ impenjat li jinvesti f’inizjattivi li jsaħħu l-prevenzjoni, itejbu s-sigurtà pubblika u jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja fil-komunitajiet tagħna. “Is-sajf għandu jkun sinonimu mas-serħan tal-moħħ. Kulħadd għandu d-dritt li jgawdi l-bajjiet tagħna f’ambjent sigur, nadif u organizzat. Il-Beach Patrols mhumiex dwar l-infurzar biss, iżda dwar il-prevenzjoni, l-assistenza u s-servizz lejn il-komunità. Permezz ta’ din l-inizjattiva qed inkomplu ninvestu fi spazji pubbliċi aktar siguri fejn il-familji, ir-residenti u l-viżitaturi jistgħu jgawdu l-kosta Maltija  b'rispett lejn xulxin.”

Il-Ministru spjega li matul dawn il-patrols, l-Uffiċjali tal-Komunità tal-LESA se jkunu qed jassistu lill-pubbliku, jipprovdu informazzjoni dwar ir-regolamenti u l-miżuri ta’ sigurtà fil-bajjiet, kif ukoll iservu ta’ punt ta’ referenza għal kull min ikollu bżonn l-għajnuna.

Il-Ministru rringrazzja lill-Korp tal-Pulizija ta' Malta, lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, lir-Red Cross, lill-lifeguards u lill-entitajiet kollha involuti għall-kollaborazzjoni kontinwa tagħhom. Huwa rringrazzja wkoll lill-Uffiċjali tal-Komunità tal-LESA għall-professjonalità, id-dedikazzjoni u l-impenn tagħhom.

Il-Kap Eżekuttiv tal-LESA, Svetlick Flores, qal li l-Beach Patrols illum saru parti importanti mill-approċċ tal-Aġenzija matul ix-xhur tas-Sajf. “L-esperjenza tas-snin li għaddew turi biċ-ċar il-valur tal-preżenza tal-Uffiċjali tal-Komunità fil-bajjiet tagħna. Ir-rwol tagħhom imur ferm lil hinn mill-infurzar, billi jiffoka fuq il-prevenzjoni, l-assistenza u l-kuntatt dirett mal-pubbliku. Kemm jekk qed jipprovdu gwida, joffru għajnuna jew jirrispondu għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, il-preżenza tagħhom tikkontribwixxi direttament għal spazji pubbliċi aktar siguri u għal esperjenza aħjar għal kulħadd.”

Il-pubbliku huwa mħeġġeġ igawdi l-bajjiet b’responsabbiltà, jirrispetta l-ambjent, isegwi l-istruzzjonijiet tal-lifeguards u tal-awtoritajiet, u jagħti s-sehem tiegħu biex il-bajjiet u l-ispazji pubbliċi ta’ pajjiżna jibqgħu siguri, nodfa u aċċessibbli għal kulħadd.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Il-Beach Patrols tal-Uffiċjali tal-Komunità jirritornaw dan is-sajf biex iżommu l-bon ordni fil-bajjiet Maltin
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Il-Beach Patrols tal-Uffiċjali tal-Komunità jirritornaw dan is-sajf biex iżommu l-bon ordni fil-bajjiet Maltin
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow