STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU Il-BBC Concert Orchestra jirritorna għas-seba’ edizzjoni b’kunċert spettakolari li jiċċelebra lil ABBA u Bee Gees
Wara sitt snin konsekuttivi ta’ kunċerti li rreġistraw attendenza massima f’Malta, il-BBC Radio 2 u l-BBC Concert Orchestra se jerġgħu jirritornaw f’pajjiżna b’dak li huwa meqjus bħala l-akbar kunċert ewlieni tagħhom sa issa.
Għas-seba’ edizzjoni tal-BBC Concert f’pajjiżna, din is-sena, il-pubbliku se jkollu l-opportunità jgawdi spettaklu uniku li se jiċċelebra l-mużika ta’ żewġ gruppi leġġendarji, ABBA u Bee Gees, f’kunċert spettakolari ta’ lejl wieħed fuq il-Fosos tal-Floriana.
Il-kunċert ta’ nhar is-Sibt 4 ta’ Lulju li se jkun ippreżentat mill-personalità rinomata tat-televiżjoni Brittanika, Rylan Clark, jlaqqa’ fuq il-palk aktar minn 70 mużiċist ta’ livell internazzjonali tal-BBC Concert Orchestra, flimkien ma’ wħud mill-aqwa kantanti u kif ukoll il-kantant lokali Kevin Paul Calleja. B’repertorju mimli suċċessi li baqgħu popolari tul is-snin, is-serata twiegħed esperjenza mużikali ta’ livell għoli u atmosfera ta’ divertiment għall-familja kollha.
Il-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela qal li “avvenimenti internazzjonali ta’ dan il-livell huma parti importanti mill-viżjoni tagħna biex inkomplu niddiversifikaw il-prodott turistiku ta’ Malta u nsaħħu l-pożizzjoni tal-pajjiż bħala destinazzjoni li toffri esperjenzi ta’ kwalità matul is-sena kollha.” Dr Abela qal li grazzi għal ftehim li intlaħaq, il-Fast Ferry ser jibqa’ jiffunzjona sa wara l-Kunċert biex l-Għawdxin ikunu jistgħu jgawdu il-kunċert sal-aħħar.
Il-Ministru Abela tenna li l-fatt li l-BBC Concert Orchestra qed terġa’ tagħżel lil Malta għal dan il-kunċert spettakolari huwa xhieda tal-fiduċja f’pajjiżna bħala destinazzjoni li kapaċi tilqa’ produzzjonijiet ta’ livell internazzjonali. “Dan il-kunċert mhux biss joffri esperjenza unika lill-pubbliku Malti u lill-viżitaturi, iżda jkompli jiġġenera attività ekonomika u jsaħħaħ il-profil ta’ Malta fix-xena internazzjonali tal-avvenimenti”, temm jgħid il-Ministru Jo Etienne Abela.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-MTA Charles Mangion qal, “Ninsabu kburin li qed niċċelebraw is-seba’ edizzjoni tal-kunċert tal-BBC Concert Orchestra f’Malta. Il-kollaborazzjoni kontinwa bejn l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-BBC tixhed il-fiduċja li hemm f’Malta bħala destinazzjoni kapaċi tospita b’suċċess produzzjonijiet ta’ livell internazzjonali tal-ogħla kwalità.”
Other Press Releases:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922